Is-Sejf ta’ de Valette se jinġieb f’Malta għall-ewwel darba mill-1798 meta se jkun il-qofol ta’ wirja mtella’ minn Heritage Malta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gran Mastru Jean de Valette kien ingħata dan is-sejf flimkien ma’ xabla mir-Re Filippu II ta’ Spanja bħala apprezzament għar-rebħa miksuba mill-Ordni ta’ San Ġwann fuq il-Musulmani fl-Assedju l-Kbir.
Ix-xabla u s-sejf kellhom tifsira storika importanti ħafna kemm għall-Ordni kif ukoll għall-Maltin. Fil-fatt ix-xabla u s-sejf, li kienu jinżammu fil-Palazz tal-Gran Mastru, kienu jinħarġu proċessjonalment darba fis-sena fit-8 ta’ Settembru hekk kif kienet tiġi mfakkra r-rebħa tal-Assedju l-Kbir.
Ix-xabla u s-sejf baqgħu f’pajjiżna sal-1798 meta l-Franċiżi mmexxija mill-Ġeneral Napuljun Bonaparte ħadu kontroll tal-gżejjer Maltin. Napuljun kien jammira ħafna lill-kmandanti militari fosthom de Valette. L-għan ta’ Napuljun kien li jsebbaħ il-mużew bl-affarijiet mill-pajjiżi li jkun ikkonkwista. Iżda filwaqt li x-xabla ntbagħtet fi Franza, Napuljun żamm is-sejf għalih. Fil-fatt kien biss wara l-mewt ta’ Napuljun li s-sejf tpoġġa ħdejn ix-xabla fil-Louvre.
Il-wirja se ssir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija mit-18 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ Ġunju. Is-sejf ta’ de Valette se jkun il-qofol tal-wirja li se tinkludi wkoll numru ta’ esebiti mill-kollezzjoni nazzjonali.