Sewwieq ta' mutur iweġġa' gravi wara ħabta f'Birkirkara

Bulgaru ta' 51 sena weġġa' gravi wara li ħabat bil-mutur f'karozza

Raġel ta' nazzjonalità Bulgara ta' 51 sena residenti Tas-Sliema ġarrab ġrieħi gravi wara li l-mutur li kien qed isuq ħabat f'karozza f'Birkirkara.

L-inċident seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6:30, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq Dun Gejtanu Mannarino, Birkirkara.

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Birkirkara marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li kien seħħ impatt bejn mutur tat-tip Kymco Agility li kien qiegħed misjuq minn Bulgaru ta’ 51 sena residenti Tas-Sliema u vettura tat-tip Toyota Vitz misjuqa minn mara ta’ 49 sena residenti l-Ħamrun.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka