'Għin ruħek mhux toqgħod tistenna lill-Gvern jgħinek'

Il-Maġistrat Joe Mifsud lil mara ta' 31 sena li nstabet ħatja li serqet €3,895 biex tħallas għat-trattament ta' bintha

Il-Maġistrat Joe Mifsud
Il-Maġistrat Joe Mifsud

Mara illi isimha ma jistax jixxandar ammettiet illi serqet cheque book u li sarrfet ċekkijiet għall-ammonti ta' €2,945 u €950 f'banka tal-lottu u f'petrol station. Il-mara, meta kienet qed tixhed, qalet lill-Qorti illi kellha bżonn il-flus biex tkun tista' tħallas l-ispejjeż relatati mat-trattament li qed jieħu bintha fir-Renju Unit. 

Il-Maġistrat Joe Mifsud meta kien qed jagħti s-sentenza tiegħu qal lill-akkużata illi la riedet aktar fondi setgħet applikat għall-assistenza mingħand organizzazzjonijiet bħal Malta Community Chest Fund Puttinu Cares. Mifsud inkoraġġixxa lill-mara biex issib xogħol u tieqaf tiddependi mis-servizzi soċjali. "Għin ruħek, toqgħodx tistenna lill-Gvern jgħinek meta għad għandek 31 sena u tista' taħdem."

Mifsud kellu kliem iebes ukoll għas-sidien tal-banka tal-lottu u tal-petrol station u qallhom illi dawn misshom ivverfikaw qabel m'aċċettaw il-ħlas u fakkar illi dawn fittxew mezzi legali wara li kienu biddlu l-ammonti fuq iċ-ċekk fi flus kontanti. 

Il-Qorti ddeċidiet li l-ħabs mhux il-post idoneu għall-akkużata u minflok, il-Maġistrat poġġieha fuq probation għal tliet snin. Huwa ordnalha tħallas ukoll €3,895, f'pagamenti.  

 

 

 

 

More in Kronaka