'Tellgħuna l-Qorti jew tuna lil bintna lura'

Protest Ġudizzjarju minn żewġ ġenituri li ilhom ma jkollhom kuntatt ma' binthom għal 80 jum...

Ġenituri jiftħu protest ġudizzjarju wara akkużi li abbużaw minn binthom
Ġenituri jiftħu protest ġudizzjarju wara akkużi li abbużaw minn binthom

Il-ġenituri ta' tifla ta' seba' snin, li ttieħdet minn taħt il-kustodja tagħhom f'Diċembru fuq suspett ta' abbuż mill-mod kif kienet tilgħab bil-pupi, sejħu lill-awtoritajiet biex jew jagħmlu akkużi fli-konfront tagħhom u jressquhom jew inkella jirritornaw lit-tifla għandhom. 

Fi Protest Ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġenituri qalu illi saru jafu illi l-Pulizija kellhom suspetti fihom nhar it-12 ta' Diċembru 2016, jew l-istess ġurnata illi fiha ttieħedet it-tifla mill-kustodja tagħhom.

Jirriżulta li t-tifla tpoġġiet taħt il-kura ta' foster carers. Il-ġenituri qed jallegaw li dan kollu sar mingħajr ma ntqal lilhom u biss minħabba l-mod kif hi kienet qed tilgħab bil-pupa tagħha. Huma qed jinnegaw bil-qawwa kollha l-akkuża illi huma b'xi mod abbużaw minn binthom stess u qalu wkoll li kienu kkoperaw mal-Pulizija bit-tama illi l-proċess ikun aktar veloċi u jirritornaw lura għall-ħajja normali tagħhom. Huma qalu li kienu qed jikkoperaw ukoll mas-Social Worker li kienet mqabbda biex tieħu ħsieb il-każ. 

Il-ġenituri, fil-protest, qalu illi ilhom ma jkollhom kuntatt ma' binthom sa minn Diċembru. Qalu wkoll illi riċentement membru tal-familja kien ra lit-tifla ma' mara f'Għawdex.

L-istat għandu jagħmel sforz biex isib metodi oħrajn biex jipproteġi lit-tfal u mhux juża metodi goffi li kissru lil din il-familja

"Mhux aċċettabbli li inkjesta dwar tifla ta' seba snin li kienet qed tilgħab b'pupa ma kinitx konkluża wara 80 jum...huwa ċar illi l-istat ma' ssalvagwardjax kontra t-tkissir tal-familja tagħna. L-istat," ikomplu l-ġenituri, "għandu jagħmel sforz biex isib metodi oħrajn biex jipproteġi lit-tfal u mhux juża metodi goffi li kissru lil din il-familja."

Filwaqt li tfakkar fil-preżenzjoni tal-innoċenza l-protest jfakkar ukoll illi jkun xi jkun l-eżitu tal-proċess ġudizzjarju, it-tifla xorta sofriet minn trawma u ħsara rreperabbli minħabba li kienet maqlugħa minn familtha u mġiegħla tgħix mal-barranin. "Ċertament dan ma sarx fl-aħjar interess tat-tifla," itemm jgħid il-Protest. 

L-Avukati David Camilleri u Joseph Gatt iffirmaw il-portest

 

 

 

 

 

More in Kronaka