Illum għall-ħabta tat-15:10 pm, il-Pulizija ġew infurmati li kien seħħ inċident stradali fi Triq il-Kampanella, il-Fgura.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn mutur tat-tip Yamaha DT125 li kien misjuq minn raġel ta’ 53 sena residenti l-Fgura u vettura tat-tip Mazda 3 misjuqa minn mara ta’ 51 sena residenti Santa Luċija.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.