Għall-ħabta tas-19:10 tal-bieraħ filgħaxija, il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom peress li kien għadu kemm seħħ inċident fi Triq l-Etna, il-Mellieħa.
Brian Spiteri, ta’ 57 sena, iben l-eks Deputat Nazzjonalista u Perit Carm Lino Spiteri, waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari. Fil-ħin tal-inċident, Spiteri li huwa residenti fl-imsemmija triq kien qiegħed jagħmel xi xogħol fuq bejt ta’ penthouse meta għal xi raġuni waqa'.
Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tassisti lill-vittma, iżda sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C. Scerri Herrera li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.