Ir-rebbieħa tal-konkors Miss Universe Malta, Martha Fenech ċaħdet l-aħbar li dehret f'sit Ingliż fejn intqal li Fenech pruvat tidħol f'Londra b'2kg ta' kokaina.
Fenech ċaħdet dan bil-qawwa kollha, waqt li sostniet li dan kien każ ta' fake news. Miss Universe Malta kompliet tgħid kif dan ma setax ikun għaliex hi ma kinetx fi triqitha lejn l-ajruport ta' Heathrow ġewwa Londra, iżda kienet Malta l-ħin kollu.
L-artiklu tfaċċa fuq is-sit Ingliż metro-uk.com ilbieraħ, u ntqal li Martha Fenech twaqqfet fl-ajruport ta' Heathrow f'Londra wara li ppruvat iddaħħal 2kg droga kokaina f'żewġ boroż tal-kafè fil-bagalja. L-artiklu qal ukoll li wara li kellhom suspett, l-'uffiċjali' fittxew fil-basktijiet ta' Fenech u fihom sabu basket tal-plastik mimli bi trab abjad, li rriżultaw li kienu kokaina. L-artiklu qarrieqi kompla jgħid li Fenech waslet Londra fuq titjira kmieni filgħodu, u ttieħdet f'kamra privata għal tfittxija, bil-valur ta' kokaina misjuba, tgħid il-gazzetta, ikun ta' iktar minn £80,000.
Miss Universe Malta, Martha Fenech ċaħdet dan kollu, waqt li sostniet li dan jagħmel isem ħażin mhux biss għaliha, iżda anke għall-pajjiż.