Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal- 21:40, jidher li nqala’ argument ġewwa grawnd tal-futbol li jinsab fi Triq Valletta, il-Mosta, hekk kif waqt li kienet għaddejja logħba futbol bejn il-'Gzira United' u 'Swieqi United', qam argument bejn żewġ players avversarji bil-konsegwenza li l-argument eskala u kienu involuti għadd ta’ players oħra.
Jidher li waqt dan l-argument, wieħed mill-players, żagħżugħ ta’ 20 sena, mis-Swieqi allegatament qala’ xi daqqiet ta’ ponn mingħand żagħżugħ ieħor li wkoll għandu 20 sena u joqgħod Tas-Sliema.
Iż-żagħżugħ t’20 sena, mis-Swieqi ittieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Minn iktar stħarriġ li sar irriżulta wkoll li żewġ players oħra li għandhom 18 u 19-il sena, minn Birkirkara u n-Naxxar rispettivament, ukoll sfaw feruti waqt dan l-inċident u ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.