Isofri ġrieħi gravi wara daqqa ta' Scammel f'Putirjal

Raġel ta' 61 sena jsofri ġrieħi gravi meta ntalqat mill-iscammel li kien qed jirriversja

Raġel ta' 61 sena sofra ġrieħi gravi wara li safa’ milqut minn trakk li jiġbor iż-żibel f'Putirjal waqt li dan kien qiegħed jirriversja.

Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6:05 meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Vjal Nelson, il-Belt Valletta (Putirjal).

Minn investigazzjoni preliminari illi saret irriżulta li raġel ta’ 61 sena residenti l-Ħamrun safa’ milqut minn vettura tat-tip Dennis Eagle (scammell) misjuqa minn raġel ta’ 59 sena residenti l-Imtarfa, li dak il-ħin kien qiegħed jirriversja.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 61 sena l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka