Id-Dipartiment tad-Dwana għamlu l-akbar sejba tad-droga fl-istorja meta sabu iktar minn 350kg ta' droga waqt li kienet qed issir spezzjoni fuq container li suppost kien fih bottijiet tal-pineapple.
Is-sejba saret fil-Freeport, wara li l-container kien qed jagħmel waqfa f'Malta mill-Ekwador lejn Spanja. Wara risk analysis li saret fuq container minħabba li ġie identifikat b'potenzjalment riskju għoli.
Wara spezzjoni minn uffiċjali tad-Dwana, instabu sitt xkejjer kbar mimlija b'basktijiet iżgħar, li kienu mimlija b'iktar minn 300kg ta' sustanza bajda li wara test li sar, irriżulta li kienet kokaina.
Huwa stmat li l-valur ta' din is-sejba tlaħħaq l-għexieren ta' miljuni ta' ewro. Dan il-valur għandu jiġi kkonfermat wara analiżi dettalljata tal-purità tad-droga.
L-uffiċjali tad-Dwana talbu l-assistenza tal-Pulizija, waqt li infurmaw lill-Maġistrat tal-Għassa bil-każ, waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Inizjalment, id-Dwana kkalkulat li kien hemm mat-350kg droga kokaina, li iżjed tard, wara użin iktar preċiż, irriżultaw li kienu 300kg minħabba boroż u ppakkeġġjar tal-istess droga.