Ħabta fin-Nadur tħalli żewġ anzjani mejta u żagħżugħ ferut gravi
Żewġ anzjani jkunu vittmi oħra ta' inċidenti tat-traffiku
More in Kronaka
Żewġ anzjani jkunu vittmi oħra ta' inċidenti tat-traffiku
Żewġ anzjani Ingliżi residenti x-Xagħra Għawdex tilfu ħajjithom f'inċident tat-traffiku fin-Nadur wara li l-karozza li kien qed isuq ir-raġel kienet involuta f'impatt ma' karozza oħra misjuqa minn ġuvni ta' 25 sena.
Il-każ seħħ lbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-11:00, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq ir-Rabat, in-Nadur, Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn sabu żewġ vetturi, waħda tat-tip Suzuki Ignis, misjuqa minn Ingliż ta’ 68 sena, residenti x-Xagħra, Għawdex u vettura oħra tat-tip Peugeot Partner, misjuqa minn raġel ta’ 25 sena u residenti l-Qala. Passiġġiera fil-vettura Suzuki kien hemm Ingliża ta’ 73 sena, residenti x-Xagħra.
Fuq il-post issejħu l-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li għenu sabiex setgħu jinħarġu l-persuni minn ġol-vetturi. Sfortunatament l-anzjani ġew iċċertifikati mejta iktar tard, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, filwaqt li ir-raġel ta’ 25 sena kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir Inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.