Fil-ġimgħat li għaddew, uffiċjali tad-Dwana żammew 12-il kontejner li kienu qed iġorru eluf ta' oġġetti tal-kuntrabandu. Fost l-oġġetti, kien hemm 14,000 ballun tal-futbol ta' tliet ditti differenti, 11,200 oġġett ta' ħwejjeġ tat-tfal, 30,660 biċċa lingerie ta' ditta popolari, ftit inqas minn 10,000 flixkun shampoo, iktar minn 9 miljun sigarett. Instabu wkoll fost l-oħrajn kontejner sħiħ mimli b'kaxxi b'parts għall-karozzi, eluf ta' arloġġi, kollha ta' ditti rinomati u iktar minn 42,000 par żarbun tal-isports.
L-oġġetti kollha kienu ġejjin mill-Ażja u kienu destinati għall-Afrika ta' Fuq, minbarra l-parts tal-karozzi li kienu fi triqithom lejn l-Albanija.
Min-naħa l-oħra, kien hemm għadd ta' oġġetti li kienu destinati għal Malta, fosthom ħwejjeġ, basktijiet u ċintorini tad-ditta, 100 game controller, u għadd ta' tracksuits u flokkijiet ta' klabbs tal-futbol popolari.