Iż-żagħżugħ li nhar l-Erbgħa li għadda sofra ġrieħi gravi wara li qala' daqqiet ta' sikkina, tilef ħajtu kawża tal-ġrieħi li sofra.
Il-ġuvni, li kellu 26 sena, lura fid-29 ta' Marzu kien ġarrab ġrieħi gravi meta li ġie ferut b'arma taqta' u bil-ponta.
Il-vittma ġie identifikat bħala Roderick Grech u qed jiġi rrapurtat li l-każ huwa relatat mad-droga, waqt li huwa magħruf mal-pulizija fuq każi fosthom dwar serq.
Il-każ kien seħħ għall-ħabta tas-1:10 ta' filgħodu meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-għajnuna tagħhom ġewwa Triq Tumas Fenech, Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett u kif ukoll dawk tar-Rapid Intervention Unit marru minnufih fil-post indikat lilhom, fejn kif waslu sabu raġel li kien ferut. Minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li ġuvni ta’ 26 sena residenti in-Naxxar, sofra ferita ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.