Raġel li għaddej minn ġuri fuq akkuża ta' involviment illi prova jdaħħal kokaina f'pajjiżna qal illi din l-istess droga kienet destinata għas-Siġġiewi, preċiżament f'razzett tat-tiġueġ. Huwa kien qal li din il-kokaina hija destinata lejn razzett tat-tiġieġ fis-Siġġiewi. L-Ispettur Herman Mula qed jixhed fil-Qorti fil-ġuri ta' Kingsley Wilcox, raġel ta' 35 sena Niġerjan li twieled Malta u li qed ikun akkużat b'konspirazija li daħħal il-kokaina.
Wilcox tefa' l-ġebla fuq Angelo Bilocca, bħala l-persuna li lilha kienet se tingħata d-droga. Bilocca u l-partner tiegħu kien arrestat u akkużat li prova jimporta d-droga, liema każ jidher li għadu għaddej f'dan il-mument.
Wilcox qal lill-Pulizija illi hu suppost kellu jiġbor konsenja ta' droga mingħand Spanjol u jgħaddiha għand raġel ieħor li jgħix f'razzett fis-Siġġiewi. L-akkużat kien arrestat malli kien wasal Malta f'Ottubru 2012 u għalkemm ma kellux drogi fil-pussess tiegħu, evidenza minn fuq il-mobile turi illi kien se jiltaqa' ma' Spanjol li kellu fil-pussess tiegħu 1.085 Kg kokaina fil-bagalja tiegħu. Id-drogi kien mifhum illi kellha valur ta' €86,000.