Serb ta' 23 sena, li huwa suspettat li attakka lil Ryan Magro li kien qed jaħdem f'bar f'Buġibba ġie arrestat flimkien ma' żewġ irġiel oħra fil-Qawra.
Il-każ seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta għal xi raġuni, is-Serb attakka lill-barman Ryan Magro, li huwa wkoll il-kitarrist tal-kantanta Claudia Faniello, u tah daqqa f'tazza f'wiċċu. Minħabba f'hekk, Magro għandu riskju li jitlef id-dawl minn għajnu l-leminija.
Il-Pulizija marret f'appartament fil-Qawra għas-suspettat, u hekk kif dan induna li kien hemm il-pulizija, ħarab minn fuq il-post lejn appartament ieħor, bil-pulizija ssegwih u taqbdu.
Magro, li għadu l-isptar jiġi kkurat għal ġrieħi li sofra f'għajnejh, huwa kitarrist ta' diversi kantanti, fosthom ta' Claudia Faniello, li xtaqitlu fejqan ta' malajr waqt li fil-jiem li għaddew appellat sabiex jinstab l-aggressur, u kull min jaf xi ħaġa, jitkellem.