Raġel minn Santa Luċija li kisser tazza f'wiċċ raġel ieħor, bil-konsegwenza li sfigurah kien ordnat iħallas €2,500 u siegħat ta' xogħol fil-komunità biex jindirizza dik li l-Qorti spjegat bħala ħsara lis-soċjetà permezz tal-attakk.
Paul Borg ta' 38 sena minn Santa Luċija kien ammetta li weġġa lill-vittma b'mod gravi waqt li kellu argument miegħu lura fis-27 ta' Mejju 2006.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marie-Ann Farrugia kienet talbet rapport wara li kienet infurmata illi l-akkużat kellu problema ta' droga u alkoħol. Kien innotat li din ma kinitx l-ewwel darba li Borg xellef difrejh mal-liġi, b'darba minnhom saħansitra jaqla' sentenza ta' sitt xhur ħabs, sospiżi għal sentejn.
Kien innutat ukoll illi l-vittma, minkejja li sofra minn sfigurament permanenti, ma xtaqx li jiftaħ każ il-Qorti, imma li l-aggressur tiegħu ikun offrut t-trattament kollu neċessarju biex jegħleb il-problemi li kellu.
Il-Qorti osservat ukoll illi Borg, mill-agressjoni, prova jagħmel dak kollu possibbli biex jgħix aħjar. Huwa wkoll sar missier u qed jgħix mas-sieħba tiegħu. F'dan il-każ il-Qorti ħasset li sentenza ta' ħabs ma' kinitx f'lokha.
Għalhekk il-Qorti ddikjarat li huwa ħati, imma poġġiet lil Borg taħt probation ta' tliett snin. Kien ordnat jagħmel 100 siegħa ta' xogħol fil-komunità, apparti l-multa.
L-Ispettur Jurgen Vella mexxa l-prosekuzzjoni.