Kuċċier ta' karozzin iweġġa' wara li ħarab iż-żiemel u sfratta

Il-kuċċier waqa' minn fuq il-karozzin wara li sfratta ż-żiemel u ħarab mill-post

ritratt: Arkivji
ritratt: Arkivji

Kuċċier ta' 55 sena weġġa' fil-Pietà wara li tilef il-kontroll tal-karozzin li kien qed isuq, meta sfratta ż-żiemel u ħarab.

L-inċident seħħ iktar kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-05:45, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq ix-Xatt, Tal-Pietà.

Il-Pulizija mill-Għassa tal-Imsida marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li kuċċier ta’ karozzin tilef il-kontroll tal-karozzin wara li għal xi raġuni ż-żiemel sfratta u ħarab. Konsegwentement, il-kuċċier li għandu 55 sena, residenti Tas-Sliema, waqa’ minn fuq il-karozzin u ġarrab xi ġrieħi.

Jidher li ż-żiemel waqa’ ftit ‘il bogħod u wkoll ġarrab xi ġrieħi. Għaldaqstant, il-membri mill-Animal Welfare issejħu fuq il-post sabiex jassistu liż-żiemel.

Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u iktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja sabiex jiġi stabbilit x’seta’ ikkawża dan l-inċident.

More in Kronaka