Anzjan ta' 70 sena mill-Għargħur ittieħed l-isptar Mater Dei wara li sofra ġrieħi gravi f'ħabta f'Ta' Qali.
L-inċident seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tat-8:00, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali ġewwa Ta’ Qali, limiti tar-Rabat.
Minn investigazzjonijiet preliminari illi saru mill-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat, irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Citroen Berlingo u vettura tat-tip Fiat Punto.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-vettura Citroen – raġel ta’ 70 sena residenti l-Għargħur, l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Ix-xufier tal-Fiat Punto – raġel ta’ 44 sena residenti Santa Venera, ma sofra l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.