Eritrejan ta' 34 sena residenti l-Gudja sofra ġrieħi gravi meta kien involut f'inċident f'Ħal Għaxaq, meta ttajjar minn karozza.
L-inċident seħħ ilbieraħ, 15 ta’ Ġunju 2017, għall-ħabta tas-18:00, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ aċċident fi Triq Ħal Għaxaq, Ħal Għaxaq.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li Eritrejan, ta’ 34 sena li jirrisjedi l-Gudja ntlaqat minn vettura Renault Megane, misjuqa minn mara ta’ 34 sena, residenti Ħaż Żabbar.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.