Raġel ta' nazzjonalità Filippina ta' 57 sena tilef ħajtu kmieni dalgħodu meta waqa' madwar erba' sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq vapur fil-Port Ħieles f'Birżebbuġa.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-4:50, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident fuq vapur ħdejn il-Port Ħieles, Birżebbuġa.
Minn stħarriġ preliminari illi sar mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li Filippin ta’ 57 sena għal xi raġuni waqa’ għoli ta’ madwar erba’ sulari waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħolijiet fuq vapur.
Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tassisti lill-baħri iżda sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr G Mercieca LLD. li ordna li ssir Inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.