F’azzjoni konġunta bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Awtorità tal-Artijiet, saret ħidma ta’ infurzar biex tneħħew oġġetti li kienu qed jintramaw fil-bajja Ta’ Fra Ben fil-Qawra.
Għall-ħabta tas-sebgħa ta’ dalgħodu, tneħħew madwar mitt sunbed u 33 umbrella, fost għamara oħra bħal bażijiet li fuqhom jitwaħħlu l-umbrelel. B’kollox inġarru żewġ trakkijiet b’oġġetti li kienu fuq din il-bajja.
Qabel ma ttieħdet din l-azzjoni, l-operatur kien imwissi diversi drabi, li l-mod li bih kien qed jarma l-affarijiet imur kontra r-regolamenti stabbiliti. Huwa kien imħeġġeġ isegwi dawn ir-regolamenti u ntqal lilu li jekk ma jagħmilx dan, kienet se tittieħed azzjoni.
Il-ħidma konġunta hija parti minn kampanja li għandha l-għan li tiżgura li r-regolamenti li jikkonċernaw il-bajjiet ikunu rispettati f’kull ħin. Diġà ttieħdet azzjoni simili fil-bajjiet tal-Armier u Little Armier, filwaqt li f’postijiet oħra madwar Malta u Għawdex, operaturi qed jirregolarizzaw ruħhom b’mod volontarju biex jevitaw dan it-tip ta’ inforzar. Il-ħidma bejn l-MTA u l-Awtorità tal-Artijiet għalhekk qed isservi biex għal darba oħra jerġa' jasal il-messaġġ li l-abbuż mhux se jkun ittollerat.