Anzjan ta' 72 sena kien it-tieni vittma fit-toroq Maltin f'temp ta' ftit sigħat, hekk kif tilef ħajtu wara li ntlaqat minn vettura fil-Marsa, wara li ftit sigħat qabel żagħżugħ tilef ħajtu f'Selmun.
Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-7:00, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm inċident stradali, fi Triq Aldo Moro, Marsa.
Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post, fejn min investigazzjoni primarja deher li vettura tat-tip Citroen Cactus, misjuqa min raġel ta’ 37 sena li jirrisjedi Ħaż Żabbar, laqgħtet raġel ta’ 72 sena li jirrisjedi l-Marsa.
Fuq il-post ġiet imsejħa ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 72 sena ġewwa l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie iċċertifikat tilef ħajtu.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.