Żagħżugħ Ingliż tilef ħajtu f'inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tas-1:20 ta' dalgħodu fi Triq Telgħet ta’ Selmun, Xemxija.
Iż-żagħżugħ kien passiġġier f'karozza flimkien ma' żewġ passiġġiera oħra u xufier, kollha kemm huma ta' nazzjonalità Ingliża, u l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 20 sa 29 sena. Il-karozza, tat-tip Diahatsu Sirion kellha impatt ma' ambulanza li kienet qed iġġorr xi pazjenti.
L-ambulanza, li kienet qed tiġi misjuqa min raġel Taljan ta’ 55 sena li jirrisjedi l-Mosta, kienet qed iġġorr xi persuni fostom mara ta’ 89 sena li tirrisjedi l-Mellieħa, mara ta’ 51sena li tirrisjedi l-Mġarr, raġel ta’ 43 sena li jirrisjedi l-Mellieħa u mara ta’ 38 sena li tirrisjedi San Pawl il-Baħar.
Sfortunatament passiġġier li kien ġod-Daihatsu Sirion ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Minbarra l-vittma, kien hemm ukoll sitt persuni oħra li sofrew ġrieħi gravi.Il-persuni l-oħra kollha taż-żewġ vetturi ttieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura medika, fejn iktar tard ġie ċċertifikat li l-Ingliżi kollha u l-mara ta’ 89 sena , il-mara ta’ 51 sena u r-raġel ta’ 43 sena qed isofru min ġrieħi gravi. Ix-xufier ta’ l-ambulanza u l-mara ta’ 38 sena sofrew ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.