Sena wara ż-żwieġ...it-terrur serqilha lil żewġha
Ommijiet, tfal żgħar u anzjani vittmi tat-toroq ta’ Barċellona
minn Veronica Lynn Mizzi
It-toroq vibranti mimlija ħajja u atmosfera sajfija tal-belt Spanjola ta’ Barċellona waqgħu fil-muta nhar il-Ħamis li għadda waranofsinhar hekk kif inħasdu l-ħajjiet ta’ 14-il persuna li kienet għaddejja għall-affari tagħha tul l-iktar triq popolari fil-belt, partikolarment mat-turisti.
Vann abjad saq bla ħniena għall-fuq it-triq, li hija waħda pedonali, u kaxkar kulma sab fi triqtu: tfal u trabi mal-ġenituri tagħhom, koppji anzjani jippassiġġaw, gruppi ta’ żgħażagħ jiċċelebraw il-ħajja.
L-attakk imdemmi ma waqafx hemm għaliex sigħat biss wara, fir-raħal qrib il-baħar ta’ Cambrils attakk simili b’karozza tibqa’ ssuq fuq in-nies ħalliet persuna mejta u seba’ oħra midruba.
Uffiċjali tal-pulizija mbagħad fetħu n-nar fuq il-ħames suspettati li wħud minnhom kienu saħansitra lebsin dak li kienu maħsuba li kienu ċintorini tal-isplussiv.
Il-madwar 130 persuna li ndarbu bejn iż-żewġ attakki kienu ġejjin minn mal-34 nazzjonalità differenti, hekk kif ħafna mill-persuni li spiċċaw vittma kienu turisti. Fil-fatt, l-ammont ta’ persuni mejta laħaq l-14-il vittma, li minnhom 13 ġew identifikati. Ħamsa minnhom ġew identifikati bħala Spanjoni, tlieta Ġermaniżi, tnejn Taljani filwaqt li wieħed mill-Istati Uniti, mill-Belġju u mill-Portugall rispettivament.
Ċelebrazzjoni ta’ sena żwieġ...tispiċċa armla ħesrem
Fost il-vittmi tat-terrur f’Las Ramblas kien hemm Jared Tucker, ta’ 42 sena; ħaddiem fil-kostruzzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika. Kien jinsab Barċellona flimkien ma’ martu Heidi, li flimkien kienu qed jiċċelebraw l-ewwel sena miż-żwieġ tagħhom bi vjaġġ fl-Ewropa. Flimkien kienu mexjin tul it-triq popolari turistika wara li għamlu waqfa f’bar fejn ħadu l-aħħar ritratt flimkien. Hemmhekk, qalb ħafna għagħa, il-koppja ntilfet u l-mara ddaħħlet fi kiosk tas-souvenirs biex tistaħba sakemm kulħadd baqa’ jiġri u jwerżaq, iżda ma baqgħetx tara iktar lil żewġha, li kien safa vittma tal-attakk. L-għada, Heidi identifikat il-ġisem ta’ żewġha fil-kamra mortwarja, u sena wara li żżewġet, spiċċat armla f’din it-traġedja.
Żagħżugħ Taljan jitlef ħajtu quddiem għajnejn l-għarusa tiegħu
Luca Russo kien ukoll fost il-persuni li tilfu ħajjithom fl-attakk imdemmi ta’ nhar il-Ħamis li għadda. Russo, Taljan li kien għad kellu biss 25 sena, kien għadu gradwat frisk, li laħaq bħala inġinier. Kien jinsab f’Barċellona għal vaganza flimkien mal-għarusa tiegħu Marta li flimkien kienu jagħmlu l-volontarjat mal-NGO ambjentali Green Cross. Russo tilef ħajtu fl-attakk taħt għajnejn l-għarusa tiegħu li min-naħa tagħha, sofriet diversi ġrieħi iżda ma kinetx f’kundizzjoni serja.
Minn btala mal-familja għal traġedja
Elke Vanbockrijck kienet f’Barċellona ma’ żewġha u ż-żewġ uliedha ta’ 10 u 14-il sena għal btala tal-familja, li malajr inbidlet fi traċedja. L-omm Belġjana kienet għaddejja ma’ familtha fit-triq popolari Spanjola meta spiċċat tilfet ħajjitha wara li kienet fit-triq tal-vann qattiel.
Teħlisha ħafif mit-tielet attakk terroristiku fl-aħħar xhur
Turista Awstraljana li qed tivjaġġa l-Ewropa tista’ tgħoddha b’waħda hekk kif l-attakk terroristiku ta’ Barċellona kien it-tielet attakk f’temp ta’ tliet xhur li ħelset ħafif minnu.
L-attakk terroristiku ta’ Barċellona ta’ nhar il-Ħamis li għadda kien it-tielet wieħed għal Julia Monaco ta’ 26 sena li ħelsitha ħafif minnu sa minn meta bdiet il-vjaġġi tagħha fl-Ewropa tliet xhur ilu. Waqt l-attakk ta’ din il-ġimgħa, Monaco kienet tinsab f’ħanut fl-istess triq tal-attakk, meta ssakkru l-bibien tal-ħanut u beda l-paniku hekk kif in-nies issuspettaw li kienet qed isseħħ xi ħaġa serja barra mill-ħanut. Monaco tirrakkonta kif hi flimkien ma’ xi nies oħra li daħlu għar-refuġju fil-ħanut intefgħu mal-art, kemm jista’ jkun ’il bogħod mit-twieqi. Tgħid kif għamlet madwar nofsiegħa mal-art tistenna li jgħaddi kollox, qabel ma l-Pulizija evakwawhom mill-ħanut.
L-Awstraljana kienet preżenti wkoll f’Londra f’Ġunju li għadda waqt li kien hemm attakk terroristiku ieħor, b’persuna tibqa’ ssuq fuq in-nies viċin London Bridge, u għadd ta’ persuni oħra spiċċaw qalgħu daqqiet ta’ sikkina meta kienu f’ristoranti u kafetteriji f’Borough market. Qalet kif spiċċat maqbuda f’lockdown li għamlet il-Pulizija fil-metro ta’ Londra waqt l-attakk.
Jiem biss wara, kienet marret f’Pariġi fejn hemmhekk, il-Pulizija sparat fuq raġel li attakka uffiċjali tal-Pulizija b’martell barra l-Katidral ta’ Notre Dame.
Minkejja din ix-xorti, Julia Monaco sostniet li dan xorta waħda mhux se jwaqqafha mill-vjaġġi tagħha. “Ma rridx immur lura lejn id-dar...inħoss li għandi nibqa’ hawn u ma nħallihomx jirbħu,” sostniet Monaco.