Matul il-lejl li għadda, is-saqaf tal-knisja ta' Santa Marija ta' Ġesù - Patrijiet Franġiskani fir-Rabat, magħrufa bħala ta' Ġieżu, sfronda u ċeda. Fortunatament ħadd ma kien fil-knisja f'dak il-ħin u għaldaqstant ħadd ma weġġa' f'dan l-inċident.
Hekk kif waqa' s-saqaf, dan kisser kompletament l-altar prinċipali. Il-quddisiet f'din il-knisja tħassru, u ntbagħtu ħaddiema sabiex ineħħu l-periklu preżenti. Fil-fatt, il-Prim Ministru għamel kuntatt mal-Patrijiet Franġiskani Minuri u l-Arċisqof biex joffri l-għajnuna tal-Gvern. Dalgħodu stess, ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet intbagħtu biex joffru s-servizzi tagħhom sabiex tkun magħrufa l-ħsara li saret, u jibdew ix-xogħlijiet fuq il-Knisja kemm jista’ jkun malajr.
Matul il-jum il-Prim Ministru se jkun qed iżur lill-Patrijiet Franġiskani biex iwassal is-solidarjetà tiegħu għall-inċident sfortunat.