Proġett pilota ta' taħriġ għall-viġilanza fit-toroq Maltin

taħriġ biex tipprvjeni l-kriminalità fuq il-linji tan-Neighbourhood Watch...L-illum.com.mt tistaqsi

Iż-żieda fil-kriminalità qed twassal għal aktar viġilanza? L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ Isotta Rossoni, il-koordinatriċi ta’ ‘Project Watch’.

Rossoni qaltilna li, ’Project watch’ huwa proġett pilota sabiex titwaqqaf għodda ġdida fis-soċjetà Maltija, bl-għan li tipprevjeni l-kirminalità, filwaqt li żżid is-sigurtà fid-djar Maltin.

“Project watch qed joffri taħriġ speċjalizzat fuq livell lokali bl-iskop li l-parteċipanti jkollhom l-għarfien neċessarju biex iwaqqfu skemi ta’ ‘neighbourhood watch’ fil-lokalitajiet tagħhom.”

Il-proġett qed jimmira li joħloq iktar għarfien dwar reati li jistgħu jiġu preventati mir-residenti tal-lokal, filwaqt li qiegħda tgħarraf lill-pubbliku ġenerali dwar reati li għandhom jiġu rrapurtati lill-korp tal-pulizija u dawk li ma għandomx.

It-taħriġ ipprovdut jagħmel enfasi fuq kif is-sistema ta’ ‘neighbourhood watch’ qiegħda tiġi implimentata biex tgħin lill-pulizija u mhux biex grupp ta’ nies jaġixxu bħall-pulizija. “Neighbourhood watch huwa netwerk li jgħaqqad flimkien residenti għall-iskop ta’ viġilanza. Din is-sistema mhix ser tkun is-sostituzzjoni tal-pulizija”.

“L-infurzar tal-liġi huwa permess mill-pulizija biss u l-ebda individwu ieħor”, sostniet Rossoni. Meta tkellmet mal-ILLUM hija spjegat kif ir-rwol tal-proġett mhuwiex biss li jipprevini l-kriminalità, iżda dan huwa wkoll mezz effettiv biex jinħoloq iktar sens ta’ kommunità fil-lokalitajiet, filwaqt li jsaħħaħ il-ħidma effettiva bejn il-Puluzija, il-kunsill lokali u r-residenti.”

L-istrateġija għall-prevenzjoni ta’ kriminalità 2017-2021, tisħaq fuq il-bżonn li jiġu adottati sistemi simili, speċjalment f’lokalitajiet li qegħdin jesperjenzaw żieda fir-rata tal-kriminalità. It-taħriġ provdut huwa wkoll mfassal skont l-esiġenza neċessarja tal-lokal, qaltilna Isotta. “It-taħriġ huwa personalizzat skont il-preokkupazzjonijiet ta’ kriminalità dominanti fil-lokalità, fosthom vandaliżmu u serq.

Bejn Jannar tal-2013 u Jannar 2017, f’lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u l-Mellieħa kienu rrapurtati mal-2,574 serqa. Dan kien żvelat mill-eks Ministru għall-intern u s-sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela f’risposta għall- mistoqsija li staqsa l-onorevoli Robert Cutajar. Iż-żona ta’ San Pawl il-Baħar flimkien mal-lokalitajiet oħrajn bħal San Ġiljan u Tas-Sliema jesperjenzaw rata għolja ta’ kriminilità primarjament għaliex huma ċentri turistiċi u ta’ divertiment.

F’rapport ikkompilat mill-Kriminoloġista George Formosa, ġie żvelat li mas-17,298 reat kienu rrapurtati f’2016, b’reati ta’ serq jiddominaw l-istatistika hekk kif dawn jammontaw għall-51% tar-reati kollha.

Kull min huwa interessat f’dan il-proġett jista’ jagħmel kuntatt ma’ Isotta fuq [email protected]

More in Kronaka