Nirien f'residenza jħallu mara u tifla f'kundizzjoni serja

Il-mara ta' 37 sena tinsab f'kundizzjoni serja, waqt li l-kunizzjoni tat-tifla ta' 8 snin għadha mhix magħrufa

Mara u tifla ta' 8 snin kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei b'urġenza wara li belgħu d-duħħan minn nirien li ħakmu washroom ta' residenza fiż-Żurrieq.

Il-każ seħħ iktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-11:30 meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fi Vjal Blue Grotto, iż-Żurrieq.

Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, fejn sabu li kien hemm nirien ġewwa washroom ta’ residenza fl-imsemmija triq. Fuq il-post issejjħu ukoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien. 

Mara ta’ 37 sena, residenti l-Marsa u tifla ta’ 8 snin, li ftit qabel kienu ġewwa r-residenza, ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura kawża tad-duħħan li kienu belgħu. Il-mara ġiet iċċertifikata li tinsab f’kundizzjoni serja, filwaqt li l-kundizzjoni tat-tifla għadha mhux magħrufa. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka