Filmat | Sparatura f'Las Vegas waqt festival tal-mużika

L-ISIS qalu li huma responsabbli ta' din l-isparatura u sostnew li r-raġel kien ikkonverta għall-Iżlam xhur ilu 

Minn tal-inqas 50 persuna nqatlu u mal-400 oħra ndarbu fi sparatura, b’14 jinsabu f’qagħda kritika, meta raġel armat beda jispara minn lukanda għal fuq in-nies li nġabru għal festival mużikali f’Las Vegas.

Ir-raġel beda jispara fuq il-folla mit-32 sular tal-lukanda Mandalay Bay.

Mal-ħsejjes tal-isparatura, ħafna min-nies preżenti bdew jaħarbu minn fuq il-post u jidħlu għall-kenn fir-ristoranti u l-ħwienet tal-madwar.

Lukandi u postijiet oħra li jinsabu qrib tal-isparatura ngħalqu mill-Pulizija kif ukoll il-‘boulevard’ ta’ Las Vegas fejn kien hemm ammont kbir ta’ pulizija.

Ir-raġel inqatel mill-Pulizija u bdiet tfittxijiet biex tinstab mara, li hija suspettata b'involviment. 

Intant l-ISIS qalu li huma responsabbli ta' din l-isparatura u sostnew li r-raġel kien ikkonverta għall-Iżlam xhur ilu. 

Kien hemm rapporti ta’ inċidenti oħra f’inħawi differenti ta’ Las Vegas, iżda l-Pulizija huma tal-fehma li r-raġel kien waħdu.

Hekk kif ħarġet l-aħbar uħud mit-titjiriet tal-ajru kellhom jagħmlu l-inżul tagħhom f’ajruporti oħra.

Il-festival tal-mużika country kien ilu għaddej mill-Ġimgħa.

More in Kronaka