Aġġornata | Annimali jmutu f'nirien f'Park fl-Imtaħleb

Ħadd ma’ weġġa f’dan l-inċident...ġew salvati numru ta' annimali fosthom kelba bil-frieħ u tjur, tigi u iljuni

Iż-żewġ annimali li tilfu ħajjithom, Bagheera u Buddy | Ritratt ta' Joyce Bongailas
Iż-żewġ annimali li tilfu ħajjithom, Bagheera u Buddy | Ritratt ta' Joyce Bongailas

Numru ta’ annimali spiċċaw mietu f’nirien li ħakmu park tal-annimali jinsab f’Wied il-Bużbies fir-Rabat, fl-inħawi tal-Imtaħleb.

In-nirien infirxu għall-ħabta tal-5.30 ta’ filgħodu.

Fuq il-post waslu l-Pulizija, veterinarju b’ambulanza mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali kif ukoll tim mediku b’ambulanza mill-isptar Mater Dei.

Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kienu nvoluti f’ħidma konġunta mal-Animal Welfare u rnexxielhom isalvaw ħafna mill-annimali li kien hemm fil-park filwaqt li kkontrollaw in-nirien.

Id-Direttur tal-Animal Welfare Noel Montebello qal li kienet ħidma diffiċli ħafna iżda għan-nirien li kien hemm, tista’ titqies bħala waħda suċċess. Fosthom ġiet salvata kelba bil-frieħ tagħha, it-tjur, frieħ tal-annimali eżotiċi, it-tigri u l-iljuni.

Bil-każ ġiet infurmata l-maġistrat tal-għassa, li ħatret numru ta’ esperti biex jassistuha fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija jinsabu għaddejjin. 

 Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri mar fuq il-post u wiegħed il-koperazzjoni kollha min-naħa tal-Animal Welfare sabiex jiġu trasferiti l-annimali. Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li se jkun qed isegwi mill-qrib din l-operazzjoni.

More in Kronaka