'Influss ta rapporti ta serq' fl-għassa ta' Tas-Sliema

Żewġ Bulgari jintbagħtu xahrejn ħabs fuq akkuża ta' serq ta' €60 minn anzjana...

Il-pickpocketing...att kriminali komuni ħafna f'Tas-Sliema u l-madwar
Il-pickpocketing...att kriminali komuni ħafna f'Tas-Sliema u l-madwar

L-Għassa ta' Tas-Sliema qed tiffaċċja dak li Spettur tal-Pulizija qed isejjaħ bħala 'influss ta' rapporti ta' serq' fil-forma ta' pickpocketing. Dan it-tip ta' serq huwa komuni, kemm f'din il-lokalità kif ukoll f'San Ġiljan u l-madwar. 

L-Ispettur Mark Mercieca qal dan lill-Qorti dalgħodu fl-awla mmexxija mill-Maġistrat Francesco Depasquale, f'każ ta' akkużi ta' pickpocketing minn żewġ Bulgari. Dawn fil-fatt instabu ħatja li lbieraħ serqu €60 minn mara anzjana fl-istess lokalità. L-Ispettur spjega kif dak li qed jiġri f'Tas Sliema bħalissa hija 'mewġa ta' serq simili li qed jaffetwa s-serħan il-moħħ tan-nies."

L-Ispettur qal li bħaż-żewġ akkużati kien hemm ħafna. "Dawn ġew Malta tliet darbiet diġa...dan huwa negozju" sostna l-ispettur li mexxa l-prosekuzzjoni. 

Minkejja li ż-żewġ akkużati stqarru li huma ħatja, l-Avukat Difensur Victor Bugeja fakkar illi l-flus kienu ritornati u li din kienet l-ewwel darba li l-akkużati xellfu difrejhom mal-liġi. 

L-Avukat ippropona li dawn iż-żewġ nisa jkunu deportati filwaqt li  appella biex ma jinutżawx bħala 'esebizzjoni (show) biex ħaddieħor ma jwettaqx l-istess atti kriminali. Se tibgħatuhom il-ħabs għal €60?' staqsa l-Avukat Difensur. 

L-Ispettur Mercieca ma' qabel xejn ma' dan u insista li hemm bżonn jintbagħat messaġġ ta' deterrant kontra kull min qed iwettaq atti kriminali bħal dawn. 

'Jekk il-Qorti tixtieq tgħaddi messaġġ ta' deterrent lil nies oħrajn, dejjem tista tiddeportahom lura lejn il-Bulgarija. Imma arrest għall-offiża daqstant żgħira hija eċċessiva," wieġeb iżda l-Avukat Difensur. 

Waqt il-qari tas-sentenza l-Maġistrat Depasquale sostna li 'l-gravità tal-offiża hija minħabba l-biża li jista' jinħoloq għall-persuni anzjani."

Waqt li ddeskriva l-offiża bħala 'serja ħafna', l-Qorti tat sentenza ta' xahrejn ħabs. 

 

 

More in Kronaka