Ħames persuni ġew arrestati b’rabta mas-sejba ta’ 550kg droga mill-Pulizija.
Il-persuni arrestati huma żewġ Taljani, żewġ Sloveni u Malti hekk kif il-Pulizija sabu 530kg raża tal-kannabis u 20kg kannabis, li l-valur tagħhom tammonta għal bosta miljuni.
F’konferenza fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, l-Assistent Kummissarju Dennis Theuma flimkien mal-Ispettur Kevin Pulis spjega kif id-droga nstabet f’vetturi bil-pjanċi tar-reġistrazzjoni Taljani u Maltin, li kellhom qiegħ falz.
Dawn kienu f’parkeġġ privat f’San Ġiljan u f’garaxx fil-Fgura.
L-Assistent Kummissarju qal li b’rabta ma din is-sejba tad-droga nstabu wkoll mal-€100,000 fi flus kontanti u mhux eskluż li l-persuni arrestati kienu nvoluti wkoll fil-ħasil tal-flus.
L-etá tal-persuni arrestati tvarja minn 35 u 60 sena. Huma jinsabu miżmuma għall-istħarriġ u mistennija li jitressqu l-Qorti fil-ġranet li ġejjin.
Dwar din is-sejba tinsab għaddejja wkoll inkjesta li nħatret mill-Maġistrat Josette Demicoli filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
L-Assistent Kummissarji fakkar kif fil-ġimgħat li għaddew, il-Pulizija wettqet sejba rekord ta’ 12-il kilo eroina u 5kg kokaina kif ukoll 70kg raża tal-kannabis minn fuq il-baħar.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia bi tweet feraħ lill-Korp tal-Pulizija għall-ħidma li wasslet għal din is-sejba rekord.