Mara ta’ 30 sena miż-Żurrieq mietet wara li ntlaqtet minn karozza misjuqa minn raġel ta’ 40 sena mis-Swieqi.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-7.40pm fi Triq ix-Xatt fil-Gżira.
Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija kif ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei li ħadu l-mara l-isptar għall-kura iżda sfortunatament mietet ftit tal-ħin wara.
Kawża tal-inċident it-triq ingħalqet għal xi ħin.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret numru ta’ esperti li se jassistuha fl-inkjesta li sejħet.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.