Analiżi | 24 xahar, 6 karozzi bomba, 4 mejta; it-terrur fit-toroq
Minn Martin Cachia, sa Romeo Bone u Daphne Caruana Galizia...ħarsa lejn il-karozzi bomba li seħħew fl-aħħar sentejn
minn Albert Gauci Cunningham
Din il-ġimgħa nħasdet ħajja, din id-darba ta’ ġurnalista. Daphne Caruana Galizia kienet is-sitt vittma ta’ karozzi bomba fl-aħħar sentejn. Minn dawn is-sitt attakki, mietu erbgħa, b’Caruana Galizia tkun l-aħħar waħda minnhom.
Hekk kif f’dan il-pajjiż bħalissa hawn diskussjoni sħiħa dwar l-aħħar attakk li ħalla pajjiż prattikament ipparalizzat, il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn is-sitt attakki permezz ta’ karozzi bomba li seħħew f’dawn l-aħħar 24 xahar.
...Suppost kien hemm bintu miegħu
Fejn seħħet? Il-bypass ta’ Marsaskala
Min miet? Martin Cachia, ta’ 56 sena
X’tip ta’ karozza kienet? Alfa Romeo
Kemm kienet qawwija l-bomba? Qawwija. Mal-isplużjoni, il-karozza ħadet in-nar u baqgħet dieħla f’ħajt.
Setgħet kienet agħar? Iva. Bintu suppost kienet fil-karozza miegħu dak il-ħin, imma dakinhar ma kienx għadda għaliha.
Solvut? Le.
Ħadd ma jmut f’bomba li waqqfet arterja prinċipali
Fejn seħħet? Triq Aldo Moro, il-Marsa
Min miet? Ħadd. Imma l-bomba ħalliet lil Josef Cassar, ix-xufier, f’qagħda gravi.
X’tip ta’ karozza kienet? Vann, tat-tip Ford Transit
Kemm kienet qawwija l-bomba? Qawwija imma mhux daqs l-oħrajn. Minkejja dan kienet taħt is-seat tax-xufier. L-intenzjoni kienet ċara; qtil.
Setgħet kienet agħar? Iva. L-isplużjoni seħħet għall-ħabta tas-6:15pm f’arterja prinċipali mimlija karozzi.
Solvut? Le.
Traġedja li setgħet wasslet għal aktar imwiet
Fejn seħħet? F’Buġibba, bejn Triq Paderborn u Triq il-Ġifen, fl-akkwati ta’ wara ċ-ċinema.
Min miet? John Camilleri, minn Naxxar. Negozjant u sid tal-kumpanija S&S Bathrooms.
X’tip ta’ karozza kienet? Mitsubishi Pajero
Kemm kienet qawwija l-bomba? Qawwija ħafna. L-għan kien ċar; qtil u eliminazzjoni tal-persuna.
Setgħet kienet agħar? Iva. L-isplużjoni seħħet fin-nofs ta’ żona residenzjali densa ħafna u viċin ħanut tal-merċa. Mumenti qabel kien għadda vann mimli tfal tal-iskola.
Solvut? Le.
Tajret is-saqaf u nstemgħet minn lokalitajiet oħrajn
Fejn seħħet? Qormi Road, Ħal Qormi
Min miet? Victor Calleja ta’ 65 sena, mill-Ħamrun
X’tip ta’ karozza kienet? Opel Astra
Kemm kienet qawwija l-bomba? Qawwija ħafna. Għolliet is-saqaf u ħalliet lill-vittma mejjet. Il-bomba kienet tinsab fil-karozza wkoll. Instemgħet saħasnitra minn Ħal Luqa. L-għan kien l-eliminazzjoni.
Setgħet kienet agħar? Għal darb’oħra l-isplużjoni seħħet fir-rush hour ta’ filgħodu fi triq arterjali
Solvut? Le.
Spiċċa mingħajr saqajn, imma baqa’ konxju
Fejn seħħet? L-Imsida, ħdejn il-monument tal-GWU
Min miet? Ħadd. Imma Romeo Bone ta’ 40 sena spiċċa bi ġrieħi gravi u tilef saqajh. Bone fil-fatt baqa’ konxju wara l-isplużjoni u seta’ jidentifika lilu nnifsu.
X’tip ta’ karozza kienet? Renault Scenic
Kemm kienet qawwija l-bomba? Qawwija, imma mhux neċessarjament intenzjonata għal eliminazzjoni.
Setgħet kienet agħar? Iva. L-isplużjoni seħħet f’artreja prinċipali, fl-10:30am
Solvut? Le.
Tinqatel Daphne Caruana Galizia
Fejn seħħet? Il-Bidnija, qrib id-dar tal-familja Caruana Galizia
Min miet? Daphne Caruana Galizia, ġurnalista ta’ 53 sena
X’tip ta’ karozza kienet? Peugeot 108
Kemm kienet qawwija l-bomba? Qawwija ħafna. L-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qal li f’aktar minn 40 sena fil-Korp qatt ma ra bomba daqshekk b’saħħitha. L-għan kien ċar; eliminazzjoni ċara.
Setgħet kienet agħar? Iż-żona mhix abitata ħafna, għalkemm persuna kienet qed issuq lejn id-direzzjoni ta’ fejn seħħet il-bomba.
Solvut? Le. Il-proċess għadu jibda.
Tliet tipi ta’ vittmi; bejn persuni mfittxija u ġurnalista
Id-differenza żgur li ma kinitx fil-mod kif sar l-attakk. Fil-fatt jidher li hemm xebh partikolari bejn il-każi kollha f’dak li jirrigwarda attakki ta’ karozzi bomba.
Id-differenza hija c-CV tal-persuni involuti. Victor Calleja kien implikat f’hold up li seħħ f’Diċembru 1998 u li fih insterqu Lm50,000 minn vann tal-kumpanija Group 4. Martin Cachia kien investigat dwar traffikar tad-drogi, traffikar tal-bnedmin u kuntrabandu. Romeo Bone ma nstabx ħati li kien parti minn serqa fl-2007 f’Portomaso, waqt li ffaċċja wkoll każ il-Qorti fuq akkużi li kien qed isegwi persuna bl-intenzjoni li joqtol uffiċjal tal-pulizija li kienet xhieda f’każ il-qorti.
Intant John Camilleri ma kienx magħruf mal-pulizija. Huwa kien involut f’diversi negozji li minnhom hu u l-familja kellhom profitti li jlaħħqu l-miljuni. Dan flimkien ma’ proprjetajiet li kienu qed jinkrew b’valur li jlaħħaq l-eluf ta’ ewro. Cassar ukoll ma kienx xellef difrejh mal-Pulizija. Huwa Direttur ta’ kumpanija tal-Burdnara.
Daphne Caruana Galizia, hija l-unika ġurnalista minn dawn kollha. Li jfisser u jispjega r-reazzjoni qawwija li wassal dan il-każ kemm f’Malta u notevolment fuq il-midja barranija wkoll. Caruana Galizia kienet tmexxi blogg pjuttost kontroversjali u fuqu ppubblikat numru ta’ stejjer li jew kienu diskussi ħafna fil-pajjiż, jew li saħansitra waqqfu lill-pajjiż.