Fit-traġedja tal-mument qed jaraw it-tama ta’ għada...
- L-ILLUM titkellem ma’ numru ta’ persuni fil-media u opinjonisti dwar dak li ġara din il-ġimgħa u r-riperkussjonijiet
- Jaqblu li l-qtil ta’ Caruana Galizia għandu riperkussjonijiet koroh, imma jaraw id-dawl fi tmiem il-mina
minn Albert Gauci Cunningham
Dak li ġara din il-ġimgħa xxokkja, weġġa’ u ħalla lil kulħadd imbellah. Kulħadd, xi ftit jew wisq, kien taħt xokk għat-telf ta’ ħajja umana, speċjalment meta dik il-ħajja tkun ta’ persuna membru tal-midja u ġurnalista. U allura parti minn dak il-grupp ta’ nies li xogħolhom huwa li jżommu lill-awtoritajiet fuq il-ponot ta’ subgħajhom.
Dawk li kienu jaqblu ma’ Daphne Caruana Galizia, dawk li ma kinux jaqblu magħha, dawk li qatt ma kitbet dwarhom u dawk li forsi ħassewhom imweġġgħin għax kienu fil-mira, ilkoll kienu taħt xokk. Ħadd ma ħaqqu l-mewt u dan il-poplu ta’ rieda tajba jafu.
Iżda lil hinn mill-att innifsu li ħalla persuna mejta; il-qtil ta’ ġurnalista, u waħda pjuttost popolari u magħrufa kemm lokalment u anke barra mill-pajjiż, x’riperkussjonijiet se jħalli fuq pajjiżna? X’riperkussjonijiet se jħalli fuq is-sistema politika Maltija? U fejn se mmorru minn hawn? Liema għandha tkun id-direzzjoni li jaqbad il-pajjiż wara din it-traġedja? Fejn se mmorru minn hawn?
L-ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ persuni, fosthom ġurnalisti, persuni li jaħdmu fil-media u opinjonisti dwar dak li se jkun ifisser għall-pajjiżna ‘Nhar it-Tnejn l-Iswed’.
‘Il-kriminalità organizzata donnha għandha l-libertà...’
Din il-gazzetta tkellmet ma’ Dione Borg, ġurnalist mal-Media.Link u awtur tal-ktieb ‘Libertà mhedda’. Borg ifakkar kif qtil bħal dak li sar din il-ġimgħa jsir f’pajjiżi magħrufin għan-nuqqas ta’ sigurtà u fejn it-tħaris tal-Liġi huwa wieħed laxk ħafna. “Nibża’ li Malta qed tidher simili għal dawn il-pajjiżi fejn m’hemmx saltna tad-dritt. U dan huwa ħażin. Għax il-ġid u l-prosperità tal-pajjiż huma intrinsikament marbutin mas-saltna tad-dritt.”
Huwa jinsisti għal bosta drabi dwar l-importanza li l-awtoritajiet kollha jkunu b’saħħithom u li fihom ikun hemm il-fiduċja.
Nistaqsih imma jekk hemmx l-implikazzjoni li t-traġedja ta’ din il-ġimgħa setgħet kienet evitata, b’Borg jinsisti li iktar milli nevitaw li “kieku l-Korp tal-Pulizija kien qed jiffunzjona kif suppost u jkun msaħħaħ, kieku llum kulħadd ikollu fiduċja fl-awtoritajiet f’mument bħal dan. Kieku m’aħniex qed nitkellmu dwar inkjesti indipendenti. Il-fatt li qed ngħidu li se nagħmlu ‘inkjesta indipendenti’ minnha nnifisha tfisser li m’hemmx fiduċja fl-awtoritajiet u f’min qed imexxi, il-Korp tal-Pulizija.”
Borg ifakkar kif f’sentejn kien hemm xejn inqas minn sitt każi ta’ karozzi bomba, “il-kriminalità organizzata donnha, kważi għandha l-libertà topera għax mhux qed jinqabdu.”
Borg iħoss li dan huwa l-mument opportun biex l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija tkun waħda li dwarha jkun hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. “Kemm kien ikun ħafna iktar b’saħħtu l-Kummissarju kieku kellu l-appoġġ politiku taż-żewġ naħat,” saħaq Borg mal-ILLUM.
Nistaqsi lill-ġurnalist veteran x’iħoss li jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet fuq il-pajjiż jekk il-qtil jibqa’ mhux solvut, bi Dione Borg isostni li din mhux se tkun l-ewwel darba li nkunu ġibna l-barranin f’pajjiżna u xorta ma jkunx solvut il-każ. Borg irrefera għall-każijiet ta’ Raymond Caruana u Karen Grech, żewġ vittmi politiċi li l-każ tal-qtil tagħhom baqa’ qatt ma kien solvut.
“Rigward ir-riperkussjonijiet fuq il-ġurnaliżmu, naturalment hemm l-element ta’ xokk, imma min-naħa l-oħra m’għandix dubju li l-ġurnalisti se jkomplu jaħdmu u jinvestigaw. Jiena ktibt kotba u għamilt dokumentarji dwar qtil u attakki u qatt ma bżajt. Bqajt ninvestiga. U ċert li l-ġurnalisti Maltin hekk se jagħmlu, mhux se nieqfu hawn.”
‘Dak li ġara kien l-aħħar tarġa qabel ninżlu aktar ’l isfel...’
L-opinjonista u avukat Bernard Grech, persuna li kienet attiva ħafna fl-aħħar kampanja elettorali tal-PN, insista illi filwaqt li r-riperkussjonijiet fl-immedjat huma t-tnissil ta’ “terrur, li tħoss li hemm min qed jipprova jbeżżgħek u jintimidak fil-futur nittama illi r-reazzjoni tal-poplu tkun waħda aktar pożittiva. Fis-sens,” ikompli jgħid Grech, “illi l-poplu jinduna li dak li ġara nhar it-Tnejn kienet l-aħħar tarġa, qabel ninżlu iktar ’l isfel.”
Huwa sostna li jittama illi dak li ġara jwassal għal azzjoni pożittiva min-nies. Mistoqsi x’inhi din l-azzjoni pożittiva u jekk din hix dak li qed naraw bħalissa b’mixjiet u ġabriet ta’ solidarjetà, Grech qal li dak li qed naraw bħalissa huwa l-ewwel reazzjoni. “L-ewwel reazzjoni ta’ nies ixxukkjati u nies li jridu jħossu li huma parti minn komunità.”
Grech spjega kif dak li jixtieq jara hu, huwa li l-qtil ta’ Caruana Galizia jwassal biex aktar nies jidħlu fil-politika u fil-ħajja pubblika, biex iżommu u jwaqqfu mill-ħsara li, hu jħoss, li diġà saret lill-pajjiż.
“Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,” temm jgħid Grech fi tfakkira illi mhux il-flus u l-ġid ekonomiku biss jagħmlu pajjiż b’saħħtu.
‘Għandi tama li l-FBI jsolvu l-każ, jekk le imma...’
Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ Charles Mizzi, eks Editur fil-Union Print u eks membru tal-Bord fil-PBS. Huwa esprima d-dispjaċir li dan il-każ fil-fatt qed ikollu riperkussjonijiet ħżiena fuq pajjiżna, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-immaġini ta’ Malta.
“Jiddispjaċini, anzi nikkundanna, lil min qed jasal għall-konklużjoni li wara dan il-qtil hemm politiku, li huwa qtil politiku. Jiddispjaċini li anke fuq ċerti aħbarijiet bħall-Euronews qed nara illi hemm din l-għajta.”
Mizzi jammetti li dan huwa żmien ikrah għal Malta “u għalhekk kien tajjeb il-messaġġ tal-Prim Minstru favur l-għaqda. Naturalment dan ma jneħħi xejn mill-fatt li Caruana Galizia kienet mara kuraġġuża anke jekk kien hemm fejn ma qbiltx mal-mod kif kienet twassal il-messaġġ.”
“Neħtieġu niddiskutu din it-traġedja bħala nazzjon, u mhux inbiddlu din il-kwistjoni f’waħda politika.”
Mizzi faħħar il-pass tal-Gvern illi ddeċieda li jġib lejn pajjiżna numru ta’ nies b’esperjenza vasta fil-qasam tal-investigazzjoni tal-kriminalità. “Dan kien qtil makabru, mhux xi ħadd spara lil xi ħadd u daqshekk, kien maħsub sew. La fil-każi li ġraw dan l-aħħar u lanqas fil-każi l-oħrajn simili ma niftakar li qatt inqabdet persuna relatata ma’ attakk ta’ dan it-tip. Din id-darba għandi fiduċja, imma... jien nixtieq biss u bħali ċert li ħafna, illi min wettaq dan l-att jinqabad.”
Mizzi jtemm jgħid li jekk ma jkunux l-FBI, li ddeskrivihom bħala “l-krema tal-krema” li jsolvu l-każ, il-probabilità hija li l-każ ma jissolviex.
‘Jekk ma jinqabdux qisna qed ngħidulhom, agħmlu kemm tridu bombi’
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-opinjonista Anna Mallia, li bħal dawk kollha li tkellmu ma’ din il-gazzetta wrew it-tama li din it-traġedja, minkejja x-xokk inizzjali tħalli legat pożittiv. “Jiena qiegħda nittama li wara dak li ġara jissaħħu l-Pulizija u li jkollna sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru ma jkollux għalfejn jagħmel ‘inkjesta indipendenti’ għax hemm il-Qorti u l-Qorti hija minnha nnifisha indipendenti,” sostniet Mallia f’vena ta’ ħsieb simili għal dik ta’ Dione Borg.
Nittama, li l-ġustizzja tkun aktar spedita, speċjalment fil-każ tal-libelli. Jekk ma jiġri xejn, Daphne Caruana Galizia tkun ħallset prezz b’ħajjitha għalxejn.”
Mallia wriet ukoll preokupazzjoni dwar akkużi li dan kien qtil politiku. “Dak li qed jingħad, jiġifieri li huwa qtil politiku huwa prematur.”
L-ILLUM tistaqsi lil Anna Mallia x’taħseb li jkunu r-riperkussjonijiet jekk kemm-il darba il-każ li wassal għall-qtil ta’ Caruana Galizia ma jkunx solvut. “Allaħares le, allaħares ma jkunx solvut għax imbagħad qisna qed ngħidu komplu agħmlu l-bombi għax mhux se tinqabdu.”