L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li m’għandniex nibżgħu iżda minflok għandna nibżgħu għal xulxin.
Charles Scicluna qal dan waqt l-omelija tal-Quddiesa li ċċelebra fil-Knisja tal-Bidnija, b’sufraġju għar-ruħ tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, f’għeluq l-ewwel ġimgħa mill-mewt tagħha.
Scicluna spjega li fil-lingwa Maltija nużaw dan l-istess verb kemm fin-negattiv kif ukoll fil-pożittiv u li l-għerq tal-biża’ għal xulxin ġejja mis-solidarjetà. Dan billi niddefendu u nħobbu lil xulxin.
L-Arċisqof Scicluna stqarr li jgħidulu li qed jitlob xi ħaġa kbira ħafna imma sostna li hu ma jaqtax qalbu u appella biex kulħadd joħlom miegħu ħalli din il-ħolma ssir realtà.
Charles Scicluna saħaq li jekk irridu ma nibżgħux irridu nibżgħu għal xulxin u li kull min jaħdem fis-soċjetà għandu jaħdem għall-ġid komuni u mhux fl-interessi personali. Dan għaliex jekk naħdmu kollha għall-ġid komuni ma nibżgħux imma nibżgħu għal xulxin.
L-Arċisqof Scicluna qal li fit-triq tal-Bidnija ntemmet ħajja u l-verità ġiet msikkta. Staqsa kif min qatel lil Daphne Caruana Galizia jista’ jorqod b’kuxjenza safja.
Qal li l-qattiel imliena bin-niket, lill-familja ħadilha omm, mart u bint filwaqt lill-pajjiż ċaħdu minn ġurnalista. Staqsa x’dinjità baqgħalu aktar minn għamel dan l-att u enfasizza li l-ħniena u l-ġustizzja ta’ Alla qegħda hemm għal kulħadd kemm għal Daphne kif ukoll għal min qatilha.
Charles Scicluna talab għall-kultura tas-sewwa, tas-solidarjetà u l-onestà u sostna li din hi l-vera kultura tal-ħajja li tagħmilna nies.
Wara l-omelija nżammet minuta ta’ silenzju u wara talb għall-vittmi kollha tal-vjolenza u tal-mibgħeda.