Il-Europol se jgħinu lill-Maltin dwar il-qtil ta' Caruana Galizia

Il-Pulizija jgħidu li huma biss xniegħat it-tip ta' splussiv li ntuża mal-karozza 

Tliet analisti tal-Europol se jaslu Malta aktar tard din il-ġimgħa biex jgħinu lill-Pulizija Maltija fl-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-President tal-Parlament Ewropew aktar kmieni din il-ġimgħa kien enfasizza li l-Europol kellha tkun involuta f’dawn l-investigazzjonijiet hekk kif qed jingħad li fil-qtil ta’ Caruana Galizia jista’ jkun hemm involut ċirku internazzjonali tal-kriminalità

Il-Pulizija Maltija qed issostni wkoll li huma biss xniegħat it-tip tal-isplussiv li seta’ ntuża fil-karozza bomba li qatlet lil Caruana Galizia.

Il-Pulizija qed isostnu li qed isiru testijiet fuq il-materjal użat kemm f’Malta kif ukoll f’laboratorji forensiċi Ewropej u li l-konferma tista’ tasal biss mar-riżultati finali ta’ dawn it-testijiet.

Dan wara rapporti li dehru fil-midja lokali dwar il-materjal tal-isplussiv użat fejn ġie rrappurtat li kien TNT.

Il-midja internazzjonali, speċjalment dik Taljana, qed tirrapporta l-isplussiv użat jista’ jkun Semtex.

More in Kronaka