Jum ta' Luttu Nazzjonali nhar il-Ġimgħa li ġej
Il-Gvern jiddikjara nhar il-Ġimgħa li ġej, nhar il-funeral ta' DCG, jum ta' luttu nazzjonali
More in Kronaka
Il-Gvern jiddikjara nhar il-Ġimgħa li ġej, nhar il-funeral ta' DCG, jum ta' luttu nazzjonali
Kif imħabbar aktar qabel, il-Gvern qed jikkonferma d-deċiżjoni li nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru tkun immarkata b’luttu nazzjonali hekk kif tħabbar li f’dan il-jum se jsir il-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan se jsir bħala sinjal li l-ebda attakk fuq il-libertà tal-espressjoni ma huwa aċċettat fid-demokrazija tagħna. Dan se jkun ukoll turija ta’ rispett minn pajjiż wieħed, maqgħud.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar diġà kiteb uffiċjalment lis-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u Kapijiet tal-Entitajiet Pubbliċi biex dakinhar il-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi kollha jittajru mezz’asta.
Il-Gvern jappella biex dan is-sentiment ta’ luttu nazzjonali jiġi rispettat minn kulħadd. Is-saħħa tad-demokrazija tagħna toħroġ f’mumenti bħal dawn.
Intant, waqt li l-President ta’ Malta kienet intervistata minn Claudette Abela Baldacchino, fuq il-programm ‘Is-Suġġett,’ hi appellat biex il-poplu Malti u Għawdxi jinża’ l-libsa tal-partiġġjaniżmu u jingħaqad, ħalli dan il-mument ta’ dieqa nitgħallmu minnu u nimxu ’l quddiem. Il-President Coleiro Preca qalet li hija fiduċjuża għaliex mid-diskors li sar fil-Parlament nhar it-Tnejn jidher, li l-mexxejja politiċi qablu fuq il-bżonn ta’ riforma u konvenzjoni kostituzzjonali.
Fuq ir-riforma kostituzzjonali, il-President Coleiro Preca qalet li kull għodda tinbidel maż-żmien biex tilħaq l-esiġenzi taż-żminijiet. Anke il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li ilha 53 sena, tinħtieġ tinbidel, biex tlaħħaq mal-bidliet li ġab, u qed iġib il-progress soċjoekonomiku f’pajjiżna.
“Jekk ninbidlu aħna, allura bilfors irridu nbidlu l-għodod tagħna, ta’ kif ngħixu flimkien, ta’ kif nagħmlu pajjiż iktar b’saħħtu, ta’ kif ikollna istituzzjonijiet li aktar jistgħu jaqdu lill-poplu tagħna,” stqarret il-President. Il-President Coleiro Preca qalet li l-għaqda li hemm fuq livell Parlamentari dwar riforma kostituzzjonali hija bidla mill-aqwa, għaqda li permezz tagħha, “nistgħu naħdmu flimkien biex nagħmlu r-riforma kostituzzjonali li hemm bżonn, u li jipparteċipa fiha kulħadd, ħalli jkollna istituzzjonijiet li jkunu ħafna aktar b’saħħithom u relevanti għaż-żminijiet tal-lum, u li jaqdu tassew l-aspirazzjonijiet tagħna u ta’ uliedna.”