Roddy Swinton Williams ta' 37 sena u li twieled is-Seychelles illum ittella quddiem il-Maġistrat Donatella Fenech Dimech fuq diversi akkużi. Fosthom hu qed jiġi akkużat illi bejn is-27 u t-30 ta' Ottubru żamm lill-martu Natalie Williams f'mina mudlama, magħrufa għall-abbuż rampanti ta' droga li jkun għaddej fiha, fiż-żona ta' Rikażli.
Williams kien akkużat li żamm lil martu ostaġġ mingħajr ikel u xorb, għal bosta ġranet bl-intenzjoni li joqtolha jew inkella li jipperikolalha ħajjitha. Akkużi oħrajn huma li saħansitra stupra lil martu fl-istess mina.
Hu kien akkużat illi ffastidja lil martu u ġiegħla tibża minn vjolenza kontriha u kontra l-familja tagħha.
Il-Qorti m'aċċettatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li x-xhieda għad trid tingħata minn naħa tal-persuna inġurjata u fid-dawl tal-gravità tal-offiża. Il-ħelsien mill-arrest ma ġiex milqugħ ukoll fid-dawl tal-fatt illi l-ftehim bejn Malta u s-Seychelles huma limitati u jekk dan jaħrab ikun diffiċli li jerġa jinġieb Malta.
Williams kien fl-aħbarijiet hekk kif irriżulta li dan ħalla lil martu ostaġġ u eventwalment tefagħha f'mina li fiha hemm kundizzjonijiet koroh ħafna. Bintha qalet lill-midja li ommha kienet ilha tagħmel rapporti ta' theddid fuq ħajjitha, bl-aħħar tnejn ikunu xahar u nofs ilu u ieħor il-ġimgħa l-oħra stess.
L-akkużat kellu daqqiet f'wiċċu, probabilment riżultat tal-ġlieda kbira li seħħet quddiem id-dar tiegħu mal-qraba tal-vittma, ftit qabel kien irrapuretat li waslu l-Pulizija fuq il-post.
Il-każ ikompli.