Distributur tas-sigarett tal-kuntrabandu nqabad minn uffiċjali tad-Dwana jqassam sigaretti f’garaxx f’Bormla.
Fil-vann tiegħu, l-uffiċjali sabu madwar 31,000 sigarett tal-kuntrabandu u aktar tard fir-residenza tiegħu nstabu 860 sigarett oħra. Kemm is-sigaretti kif ukoll il-vann ġew ikkonfiskati mill-uffiċjali tad-Dwana u r-raġel mistenni li jitressaq fil-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Għand is-sid tal-garaxx, li jinsab fl-inħawi ta’ San Ġwann t’Għuxa f’Bormla, instabu 5,000 sigarett tal-kuntrabandu.
Jirriżulta li l-uffiċjali tad-Dwana waslulhom rapporti mingħand residenti Bormliżi li minn dan il-garaxx kien qed isir bejgħ ta’ sigaretti tal-kuntrabandu.
Fil-jiem li għaddew, id-Dwana sabet ammonti oħra ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, 6,600 mill-ajruport, 1,080 ġew elevati minn ħanut f’Ħaż-Żabbar, 1,320 minn ‘stationery’ f’Tal-Pietá, 660 minn ħanut tal-ħelu f’San Ġiljan, 580 minn ħanut tal-merċa fl-Imsida u 60 minn ħanut tax-xorb f’Ħaż-Żebbuġ.
Ġew ikkonfiskati wkoll 130 litru inbid, li fuqhom ma kinitx tħallset sisa, u li nstabu f’żewġ stabbilimenti f’San Ġwann u Ħal-Luqa.
Instabu wkoll kwantitá mdaqqsa ta’ basktijiet tal-plastik li fuqhom ma kinitx tħallset is-sisa, li nstabu għand erba’ bejjiegħa tal-monti fis-suq ta’ Marsaxlokk.