Il-persekuzzjoni tal-Kristjani f’ċertu pajjiżi laħqu l-ogħla livelli, fejn żdiedu l-attakki minn Gvernijiet li mhux tolleranti u minn gruppi fundamentali bħall-ISIS u l-Boko Ħaram.
Dan jirriżulta mir-rapport tal-Fondazzjoni Aid to the Church in Need (ACN) dwar il-persekuzzjoni tal-Kristjani minħabba l-fidi fl-2015-2017.
Ħafna mill-Kristjani f’pajjiżi fil-Lvant Nofsani ma jkollhom l-ebda għażla ħlief jitilqu minn djarhom u jħallu kollox warajhom minħabba r-reliġjon li jħaddnu.
Għalkemm in-numru preċiż tal-Kristjani ppersegwitati mhux magħruf, in-numru tal-imwiet naqas għal madwar 100,000 iżda l-vjolenza żdiedet bil-bosta.
Fil-pajjiżi kollha fejn sar l-istħarriġ, l-oppressjoni u l-vjolenza kontra l-Kristjani żdiedet mill-2015. Fl-Iraq, is-sitwazzjoni tant iddeterjorat li waħda mill-aktar Knejjes antiki spiċċat fir-riskju li tinqered għal kollox.
L-eżodu tas-Sirjani qed thedded il-Kristjaneżmu f’partijiet fis-Sirja, b’mod speċjali f’Aleppo li kienet waħda mill-ikbar komunitajiet Kristjani fil-Lvant Nofsani.
Fin-Niġerja, gruppi fundamentalisti bħalma huma l-Boko Ħaram wettqu ġenoċidji kbar fuq il-Kristjani. Din iż-żieda fil-persekuzzjoni iżda dehret ukoll f’pajjiżi oħra bħall-Indja u fiċ-Ċina.
Mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-ACN, fil-Korea ta’ Fuq qed isiru atroċitajiet u torturi kbar kontra l-Kristjani u dawn jinkludu l-abort sfurzat biex ma jiżdiedx in-numru tal-Kristjani u oħrajn li jissallbu jew jinħarqu.
Il-persekuzzjoni kontra l-Kristjani ssir għal raġunijiet differenti bħalma huwa l-fundamentaliżmu estrem ta’ reliġjon oħra imma wkoll minħabba n-nazzjonaliżmu estrem li jkun qed jikber f’xi reġjun jew belt partikolari ta’ pajjiż fejn il-Kristjani jkunu f’minoranza.
Għat-tnedija ta’ dan ir-rapport wasal Malta s-saċerdot minn Aleppo fis-Sirja, Fr Firas Lutfi li tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fejn jipprovdi għajnuna umanitarja u pastorali b’mod speċjali fost it-tfal u l-familji Sirjani.
Aleppo hija belt fis-Sirja nqerdet totalment minħabba l-gwerra li ilha għaddejja ħafna snin.
Aid to the Church in Need tipprovdi għajnuna pastorali f’140 pajjiż differenti madwar id-dinja.