'Sdieri ‘foloz’ qed joħolqu ħafna problemi lill-klieb tal-assistenza'

L-ILLUM titkellem ma' Joanne Cremona mill-Malta Dogs Foundation dwar sdieri li qed jinxtraw online u l-ħsara li qed jagħmlu lill-klieb  

Il-kelb tassew huwa l-akbar ħabib tal-bniedem, però ċertu klieb joffru iktar minn sempliċiment kumpanija. Qiegħed nitkellem dwar il-klieb tal-assistenza, klieb imħarrġin speċifikament sabiex jipprovdu assistenza lil dawk li jbatu minn diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa bħal mard mentali, nuqqas ta' smigħ, diffikultajiet viżwali, awtiżmu, dijabete, problemi emozzjonali u diżabilitajiet oħra.

Dawn it-tip ta’ klieb huma faċilment identifikati bis-sidrija li jkollhom fuqhom. Sfortuntament, “sdieri simili mhux uffiċjali li qegħdin jinxtraw minn fuq is-siti elettroniċi qegħdin jikkawżaw ħafna problemi”.

Dan kollu żvelatu, Joanne Cremona f’isem is-Service Dogs Malta Foundation, li mal-ILLUM, spjegat kif dawn l-aċċesorji foloz qegħdin ikunu ta’ detriment għal minn veru jagħmel użu minn kelb ta’ assistenza.

“Joħolqu dubji f’moħħ sidien ta’ stabbilimenti u postijiet oħra fejn bil-liġi jistgħu jidħlu dawn il-klieb u għalhekk jfixklu ħafna lil min hu ġenwin”, qaltilna Cremona.

Hi kompliet tispjega kif “kull għalliem li jkun ma kelb ta’ assistenza jkollu karta’ ta’ identità ffirmata mis-Segretarju tal-Fondazzjoni u ħafna drabi malli tintwera din il-karta tal-identità l-kelb jitħalla jidħol.

“Min qed juża dawn l-aċċessorji foloz qed joħloq ħafna stress u problemi lil min verament għandu bżonn dan is-servizz”, sostniet Cremona.

Apparti minn hekk, mal-ILLUM, Cremona sostniet li sikwit, dawn il-klieb jiġu mwaqqfa milli jidħlu ġewwa stabbilimenti. “Ġieli anke jwaqqfu lill-għalliema tagħna li jkunu akkompanjata b’kelb li qed jiġi mħarreġ.”

“L-ikbar problema tagħna hi li l-kundizzjoni jew diżabbiltà ta’ persuna b’kelb ta’ assistenza mhux dejjem tidher u allura sidien ta’ stabbilimenti ma jemmnux li hu kelb ta’ assistenza u ma jħalluhx jidħol,” saħqet Cremona.

Hi kompliet tispjega kif, reċentement, żdiedu l-applikazzjonijiet għall-klieb ta’ assistenza minn familja b’ulied li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

Barra minn hekk, il-fondazzjoni qiegħda wkoll toffri, s-servizz ta’ dog therapy sessions ma’ dawn it-tfal b’attenzjoni individwali. Il-fondazzjoni qiegħda wkoll tagħmel sezzjonijiet regolari ġewwa skejjel ma’ bosta tfal u żgħażagħ b'diffikultajiet ta’ tagħlim.

Madankollu, dawn il-klieb ma jiġux ikkwalifikati, mil-lejl għan-nhar, hekk kif normalment dan il-proċess jieħu madwar sena u nofs. It-taħriġ tal-klieb ta’ assistenza huwa maqsum f’tliet fażijiet.

Il-kelb l-ewwel jitgħallem kif iġib ruħu sew imbagħad jibda jiġi mgħallem diversi kompiti differenti li fil-futur se jkun mistenni jagħmel mal-persuna b’diżabbiltà.

Fl-aħħar nett, il-kelb jgħaddi minn fażi ta’ tqabbil. Fejn jittlaqqa’ mal-persuna li se jkun qed jibda jaħdem magħha. Għalkemm, il-proċess ġeneralemnt jieħu madwar sena u nofs dan jiddependi fuq diversi fatturi bħall-abbilità tal-kelb innifsu u t-tip ta’ servizz speċifiku li jkun qed jitħarreġ għalih.

Il-Klieb ta’ Assistenza jiġu magħżula mit-twelid għat-taħriġ għax jkunu klieb b’temperament kalm imma li għandhom kurżità u l-kapaċità li jitgħallmu. Madankollu, 4 minn kull 10 biss jiġu kkwalifikati. Kull razza ta’ klieb tista’ tiġi mħarrġa għal dan ix-xogħol iżda hemm xi razez li huma ħafna aktar imfittxija minn oħrajn, bħal ‘labrador retrievers’.

Intant, il-ġimgħa l-oħra, tlett iklieb Buddy, Harley u Faith, iggradwaw minn taħriġ speċjalizzat, li permezz tiegħu se jkunu qed jgħinu lil tlett itfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Is-Service Dogs Malta Foundation immexxija minn Joseph Stafrace twaqqfet biss tliet snin ilu u toffri bla ħlas dawn il-klieb lill-familji li għandhom bżonnhom. It-taħriġ jiswa mal-€15,000.

F’diskors waqt din l-okkażjoni speċjali, stafrace qal li fil-ġejjieni il-fondazzjoni għandha pjan sabiex toffri taħriġ għal klieb li joffru assistenza għal persuni bid-dijabete u forom oħra ta’ diżabbilità.

’'l quddiem se nħarrġu klieb għal persuni neqsin mis-smigħ, persuni li jużaw siġġu tar-roti, u noffru wkoll ‘pet therapy’”.

More in Kronaka