Il-Pulizija kkonfermat li mill-investigazzjonijiet s’issa dwar l-isparatura li seħħet f’Ħ’Attard il-Ġimgħa li għadda filgħaxija, l-mira kien it-tappezzar Raymond Grima.
L-isparatura seħħet fi Triq l-Imdina meta persuni rekbin mutur sparaw tiri fid-direzzjoni tal-garaxx ta’ Grima li fih isir xogħlijiet ta’ tappezzerija. Fl-isparatura nqatel Angelo Mangion ta’ 58 sena minn Ħal Qormi.
Aktar tard il-Pulizija kienu żammew erba’ persuni, li wieħed minnhom jidher li jista’ jkun is-suspettat ewlieni f’dan il-każ. Grima iżda għadu l-isptar Mater Dei għall-kura wara li ndarab fl-isptar b’tiri fl-istonku.
Fi stqarrija, l-Pulizija qalu li qed janaliżżaw bir-reqqa l-informazzjoni kollha li qed tasal filwaqt li appellaw lil kulmin għandu l-informazzjoni biex jgħaddu b’mod anonimu fuq in-numri 119 jew 21224001.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin filwaqt li tinsab għaddejja wkoll inkjesta Maġisterjali.