Qorti | Kien jipprova d-drogi fuq ibnu qabel ma jbiegħhom

Fil-Qorti toħroġ xhieda ta' missier li abbuża minn ibnu meta kien għadu tifel billi tah id-droga...snin wara it-tifel (illum raġel ta' 43 sena) jingħata sentenza sospiża għall-bejgħ tal-eroina

Missieru kien jipprova l-eroina fuqu....
Missieru kien jipprova l-eroina fuqu....

F'waħda mill-ewwel sentenzi taħt l-Att dwar id-Dipendenza tad-Droga, raġel ingħata sentenza sospiża talli ttraffika l-eroina, minflok ingħata sentenza ta' ħabs. Huwa kien jittraffika din id-droga biex isostni l-vizzju tiegħu stess li kien ilu jbati minnu minn meta kien għadu żgħir.

Fil-fatt il-Qorti semgħet kif saħansitra missieru kien jipprova d-drogi fuqu qabel ma jbiegħhom.

It-tifel, li llum huwa raġel ta' 43 sena minn San Ġiljan, kien arrestat fl-2009 hekk kif kien qed jagħti pakkett mimli eroina lil terza persuna. It-traffikar tad-droga kapaċi twasslek għal sentenza ta' impriġunerija għal ħajtek, jekk l-akkużat jgħaddi ġuri. 

Il-maġistrat Natasha Galea Sciberras li ilha tippresiedi l-każ mill-2015 osservat kif ir-raġel kellu passat b'diversi każijiet ta serq, ħsara fuq proprjetà u falsifikar ta' dokumenti. Għal dawn l-atti kien immultat u ingħata sentenzi ta' ħabs, filwaqt li kien ukoll  fuq  probation

Minn naħa l-oħra l-Qorti nnotat ukoll kif l-akkużat kien għamel titjib qawwi f'ħajtu b'għajnuna professjonali u dedikazzjoni. Hu kien ukoll, ġeneralment, żamm il-bogħod mid-droga mill-2013. 

"Meta wieħed jieħu kont tal-istorja twila ta' abbuż ta' droga kif ukoll fis-sitwazzjoni li sab lilu nnifsu fiha - biżżejjed wieħed jgħid illi missieru kien jipprova d-droga fuqu qabel ibiegħha - juri l-ġenwinità tal-akkużat u kemm prova jikseb progress." 

Fid-dawl ta' dawn il-fatti u l-bidliet fil-Liġi il-Qorti uddeċidiet li tagħti lill-akkużat 14-il xahar priġunerija sospiża għal tliet snin, flimkien ma' multa ta' €1,200. 

Kathleen Grima dehret bħala l-Avukat Difensur.

 

 

 

 

More in Kronaka