F'azzjoni mhux daqstant komuni l-Avukat Ġenerali iddikjara li minn kumpilazzjoni ta' evidenza ta' każ relatat mat-traffikar tad-droga ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex jsiru akkużi fil-konfront ta' Carmel Debono, fuq allegat involviment ta' qabda ta' kannabis. Dan huwa każ li jmur lura għall-2010 meta il-Pulizija kienet sabet 4,6 Kg ta' kannabis.
Carmel Debono mill-Fgura, flimkien ma' Clayton Azzopardi ta' 34 sena minn Ħat-Tarxien kienu mtellgħin il-Qorti b'konnessjoni ma' 20 blokka ta' kannabis li nstabu sentejn qabel fl-Imsida. Id-droga kienet instabet fir-residenza ta' persuna li kienet tmexxi bar partikolari ħdejn il-Junior College.
Filmat CCTV u komunikazzjoni bil-mowbajl kienu wasslu biex dawn it-tnejn jitressqu l-Qorti. Id-dikjarazzjoni ta-Avukat Ġenerali effettivament tfisser illi ladarba l-Prosekuzzjoni mhux se tmexxi, l-proċeduri kontra Debono jieqfu.
L-Avukati Franco Debono u Amadues Cachia dehru għall-akkużat.