Tixrobx u ssuq... imma jaqbillek b’ taxi?
L-ILLUM tat ħarsa lejn il-prezzijiet ta’ vjaġġ b’taxi f’Malta meta kkumprat ma’ dawk ta’ barra minn Malta hekk kif riesaq il-perjodu ili fih ħafna jixorbu u allura ma jkunux jistgħu jsuqu
minn Liam Carter
Propju 16 -il ġurnata oħra, id-dinja Kristjana tingħaqad fiċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, żmien ikaratterizzat, minn ċelebrazzjonijiet, li realment sikwit jinvolvu x-xorb alkoħoliku. Ta’ kull sena, l-awtoritajiet tal-pajjiż flimkien ma’ diversi organizzazzjonijiet volontarja, jniedu kampanja kontra x-xorb u s-sewqan. Madankollu għalkemm hafna nies jagħmlu użu minn mezzi bħal trasport pubbliku u taxis xorta jibqa’ l-fatt li Malta għandha kultura ta’ xorb u sewqan.
F'Ottubru tas-sena l-oħra l-Gvern ippropona li l-limitu nazzjonali ta' alkoħol għas-sewwieqa jitnaqqas minn 0.8 g ta' alkoħol għal kull litru ta' demm għal 0.5g, l-ekwivalenti ta' birra żgħira b’hekk f'konformità mal-medja tal-UE.
Għalhekk jekk il-liġi fil-fatt tkun infurzata fil-verità ħafna sewwieqa li qed jippjanaw, li joħorġu f’xi lejl ta’ tbaħrid u xalar mhu se jkollhom ebda għażla ħlief, li jħallsu għal taxi, jikru van, jew inkella jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.
L-aktar mezz minn dawn it-tlieta li huwa prattiku huwa l-użu tat-taxi dan għaliex hu servizz li tfasslu int skont il-pjanijiet tiegħek.
Imma li taqbad taxi f’Malta kemm tiswa? Taxi f’Malta jaqbillek jew ma jaqbillekx? Meta tikkumpara l-prezzijiet lokali ma’ dawk barra minn pajjiżna, il-Maltin qed iħallsu prezz ġust jew le?
Fid-dawl ta’ dan kollu L-ILLUM, għamlet eżerċizzju li fih, ikkuntattjat tliet kumpaniji privati li joffru servizz ta’ trasport privat. Daqs li kieku kienet klijent ordinarju, il-gazzetta indagat fuq diversi rotot differenti, però li fiċ-ċentru tagħhom hemm postijiet ta’ divertiment li f’dan il-perjodu festiv ċertamanet jiġu ffrekwentati fosthom; San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u l-Belt Valletta.
F’dawn l-eżercizzju, din il-gazzetta ħolqot paragun ma’ pajjiżi Ewropej oħra li għandhom paga minima viċin ta’ Malta u prezz tal-fjuwil simili.
Minn €13 sa €24 il-prezzijiet kkwotati lill din il-gazzetta
Stimi mogħtija lil din il-gazzetta (ara kaxxa isfel), juru li vjaġġ mill-Belt Valletta sa Tas-Sliema jiġifieri vjaġġ ta’ 2.5 km jiswa medja ta’ €13.30.
Barra minn dan, vjaġġ mir-Raħal Ġdid sa San Pawl il-Baħar, b’distanza ta’ 15.7 km, jiswa madwar €23.30, filwaqt li vjaġġ minn San Ġiljan sa Raħal Ġdid, b’distanza ta’ 8.3km jiswa €18. Stima oħra għal vjaġġ mill-Belt Valletta għal San Pawl il-Baħar, vjaġġ ta’ 14.2 KM jammonta għal madwar €20.
L-ILLUM, ikumparat dawn il-prezzijiet f’ibliet Ewropej oħra bħal Madrid, fejn hawnhekk vjaġġ ta’ 2.7km jiswa madwar €6.50, jiġifieri kważi nofs ta’ dak li wieħed iħallas f’Malta għall-istess distanza. Fuq l-istess kejl, dan il-vjaġġ f’Ruma jammonta għal €7.40, fejn bħalissa fl-Italja l-prezz tal-fjuwil hu 20 ċenteżmu ogħla minn dak ta’ Malta. Apparti minn hekk, f’Madrid vjaġġ ta’ 7.9 km jiswa medja ta’ €13.50, dan filwaqt li vjaġġ ta’ 8.3km f’Malta jiswa medja ta’ €18.