Hekk kif dalgħodu qed tkompli tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, rriżulta mix-xhieda li qed ikompli jagħti l-Ispettur Keith Arnaud li n-numru li wassal għall-isplużjoni tal-karozza kien ilu fl-istess post fil-Bidnija għal 12-il siegħa sħaħ.
Fis-2:41am dan il-mowbajl, bin-numru 99684366 inxtegħel u fis-2:59pm intbagħat il-messaġġ li ħalla lil DCG bla ħajja wara splużjoni fil-karozza li kienet qed issuq.
Il-persuna li kellha dan il-mowbajl qattgħet il-lejl kollu fl-istess pożizzjoni u post, jistenna. Għamel telefonata li damet 44 sekonda u telefonata oħra li damet 107 sekondi.
Il-Qorti semgħet kif mill-ħin li DCG telqet mill-grada tad-dar tagħha sal-post fejn splodiet kien hemm 107 sekondi. Dan ifisser illi l-persuna li kienet fuq il-baħar setgħet tisma' l-proċess kollu, li wassal għall-isplużjoni 'fatali'.
In-numri, nkluż dak li kien qed jintuża b'mod personali minn wieħed mill-akkużati, nhar id-9 ta' Ottubru kienu kollha l-Bidnija.
L-Ispettur kompla jgħid illi in-numru tal-mowbajl illi minnu ntbagħat l-sms kien identiku għal mowbajl personali ta' George Degiorgio. L-FBI kienet ikkonkludiet, b'mod separat mill-Pulizija Maltija, li n-numru personali tal-mowbajl tiegħu u dak il-mowbajl li minnu ntbagħat l-sms finali kienu fl-istess żona matul il-ġurnata.
Jirriżulta, ħamest'ijiem wara, li d-DNA fuq sigarett li nstab lejn il-Batterija tat-Tarġa fil-fatt kien ta' Alfred Degiorgio. Ix-xhieda ta' Arnaud ikkonfermat ukoll dak li kien irrappurtat fuq il-gazzetta Taljana La Repubblica, jiġifieri li wara l-isplużjoni George Degiorgio bgħatt lil martu u qallha 'iftaħli flixkun inbid, baby!'
Arnaud qed ikompli jagħti x-xhieda tiegħu, li issa qed tikkonċerna l-mod kif sar l-arrest tat-tliet irġiel fil-Menqa, l-Marsa.
Il-ġurnata ta' qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia George kien qed jgħid lin-nies li sejjer jistad. Dakinhar tal-qtil, Degiorgio jgħid lin-nies ; "qbadt żewġ ħutiet kbar."
Intant il-Qorti laqgħet it-talba tad-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia biex ix-xhieda tal-Assistent Direttur tal-ħabs tinstema' mingħajr il-preżenza tal-midja fl-awla.
Aqra l-bqija tax-xhieda, fosthom dik tal-ispettur Kurt Zahra billi tagħfas hawnhekk