Rappreżentanti tal-kampanja Releaf iddiskutew il-liġijiet dwar id-droga u l-kannabis ma’ rappreżentanti tal-Alternattiva Demokratika u ippreżentaw il-position paper tagħhom liċ-Chairperson ta’ AD, Carmel Cacopardo.
Fi stqarrija l-Alternativa Demokratika qalet li hi uriet l-appoġġ tagħha lejn il-kawża tar-regolamentazzjoni tal-kannabis. AD tipproponi li min juża drogi qawwija għandu jitqies bħala persuna bi problema medika u soċjali u mhux kriminal u fil-każ tal-kannabis, li din tkun legali għal użu personali.
Iċ-Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo sostna li "aħna għandna pożizzjoni ċara. Inħossu li wasal iż-żmien li Malta tieħu l-pass li jmiss fil-politika tad-droga, li din ssir politika b'wiċċ uman u mhux waħda ta' ripressjoni. Il-mudell Portugiz fil-qasam tad-droga rnexxa. Wasal iż-żmien li nitgħallmu minn din l-esperjenza." temm jgħid Cacopardo.