Raġel ta’ 33 mill-Gana ma' ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li insulta u kkaġuna feriti ħfief fuq kuntistabbli. Hu kien ukoll akkużat li rreżista l-arrest, hedded lill-Pulizija, kiser il-paċi pubblika u kisser mowbajl li kien tal-istess kuntistabbli.
L-inċident seħħ ilbierah fil-Marsa, meta kuntistabbli tal-Pulizija waqaf lill-akkużat għal xi mistoqsijiet. Għal xi raġuni l-imputat irreaġixxi b'mod vjolenti għall-mistoqsijiet li sarulu. Fil-Qorti ntqal li kellhom ikunu tliet kuntistabbli li ntervjenew biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.
L-avukat difensur talbet il-ħelsien mill-arrest tal-imputat li ġiet miċħuda mill-Qorti.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li l-imputat kien fid-dmir li, mingħajr paroli u xenati żejda, jobdi l-ordnijiet leġittimi li ġew mogħtija lilu mill-Pulizija.
“Jekk kull persuna jkollha l-jedd taġixxi kif trid u jogħġobha mingħajr ħadd ma jista’ jzommha jew irażżanha, niġu fi stat ta’ ġungla, li hi l-antiteżi tal-ordni", saħaq l-Maġistrat Mifsud.
Spjega kif l-akkużat "bl-aġir tiegħu ħoloq alarm bla bżonn fost il-Maltin u għamel ħsara kbira lill-immaġini tal-maġġoranza tal-barranin li jgħixu f’pajjizna li jkunu konformi mal-liġijiet f'armonija ma' min jgħix f'din is-soċjeta'."