L-ajruplan Dassault Falcon 7X li ġarru r-riħ qawwi matul il-lejl tal-Erbgħa tneħħa mill-post u matul il-lejl li għadda tpoġġa f’hangar.
L-ajruplan tneħħa f’ħidma konġunta bejn esperti li jimmanifatturaw dan il-mudell tal-aruplan, membri tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Korp tal-Pulizija u uffiċjali mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Stqarrija tal-MIA qalet li tpoġġa ċint temporanju madwar il-post minfejn l-ajruplan ħareġ għal got-triq filwaqt li għaddejjin xogħlijiet fuq l-apron 4 fejn oriġinarjament l-ajruplan kien wieqaf.
L-ajruplan Dassault Falcon 7X li kien jinsab fl-inħawi ta’ wara tal-ajruport inġarr mir-riħ qawwi li laqtu l-gżejjer Maltin matul il-lejl tal-Erbgħa li għadda u baqa’ dieħel f’bini ta’ uffiċċju fil-faċċata tat-triq.
Fuq dan l-inċident tinsab għaddejja investigazzjoni.