'Ħa nitfi l-mowbajl u mhux se terġa tarani'

L-sms li salva raġel mbeżża' u mhedded minn dawk li sellfuh flus bl-użura...

Mhedded u mbeżża', imma salvat mill-mewt
Mhedded u mbeżża', imma salvat mill-mewt

Il-ġurnata kienet is-16 ta' Diċembru. Dakinhar raġel, li llum deher quddiem il-Qorti mwerwer, kien bagħat messaġġ lil sieħbu u qallu hekk; "Se nitfi l-mowbajl u mhux se terġa tarani." 

Kien dan il-messaġġ li salva ħajjet raġel li kien qed jiġi kontinwament mhedded wara li ssellef €7.500 minn fuq l-idejn b'dawk li sellfuh il-flus jitolbuh €150,000. 

Il-Qorti qed tisma' dan il-każ u kif it-theddid wassal lill-vittma biex jikkunsdra li jneħħi ħajtu b'idejh. Dan sakemm sieħeb il-vittma mar għand il-Pulizija bil-messaġġ li kien irċieva u għamel rapport. 

Il-vittma spjega lill-Qorti kif fl-2015 kien talab l-għajnuna mingħand missier u ibnu, t-tnejn miż-Żurrieq u talabhom iselfuh €3,000 biex ikun jista' jagħmel titjib fil-bar tiegħu. Sussegwentement sar qbil għall-ħlas ta' €500 kull xahar. Imma wara li ħallas tliet darbiet (€1,500) l-ammont pendenti baqa' ma nbidilix. Il-vittma spjega kif wieħed mill-akkużati ssuġġerixxa li d-dejn ikun ikkanċellat f'darba f'ammont ta' €3,500, xi ħaġa li ma setax jagħmel għax ma kellux dak l-ammont f'idejh.  

Il-vittma imbagħad kien reġa issellef €4,500 mingħand dawn it-tnejn. B'hekk b'kollox ikun issellef €7,500.  

Minn hemmhekk l-akkużati bdew jitolbu somma dejjem ikbar ta' flus. Fil-fatt, meta mar il-Caritas għall-għajnuna, il-vittma kien qal illi ż-żewġ akkużati kienu qed jitlobuh €220,000

F'Diċembru li għadda imbagħad wieħed mill-akkużati mar id-dar tal-vittma bil-karozza tat-tip BMW u heddu illi jekk ma jħallasx €120,000 sal-Ħadd ta wara ma kienx se jgawdi l-Milied. L-għada l-akkużat reġa ċempel u qallu li l-ammont dovut reġa tela' u li l-vittma issa kellu jtih €150,000. 

Il-vittma ħass li triq waħda kellu. Li jneħħi ħajtu b'idejh. Tant li kien qal lil min iħaddmu li mhux se jmur aktar għax-xogħol. 

Il-Maġistrat Joe Mifsud ma laqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati. 

L-Ispettur Jeffrey Scicluna mexxa l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela dehru għall-akkużati filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Yanika Vidal dehru parte civile.

Il-każ ikompli

 

 

 

More in Kronaka